Armita Geravand, tfajla ta’ 16-il sena, ġiet iċċertifikata bħala ‘brain-dead’, wara li allegtament ġiet ittakkata mill-Awtoritajiet Iranjani, talli ma libsitx il-hijab.
Dan skont rapporti fil-midja lokali, li qalu li t-tifla ġiet midruba b’mod serju waqt li kienet fil-kustodja tal-Pulizija tal-Moralità, wara li ġiet imkaxkra minn fuq ferrovija,li fuqha telgħet ma’ żewġt iħbieb.
Attivista qalet li l-forzi tas-sigurtà qed iċaħħdu lill-ġenituri milli jitkellmu b’mod liberu b’rabta ma’ dan il-każ.
Minkejja li l-ġenituri qalu li r-raġuni wara l-kundizzjoni tat-tifla kienet li niżlitilha l-pressjoni u ħabtet rasha meta tilfet il-bilanċ, diversi attivisti qed isostnu li l-ġenituri ġew imġiegħla jgħidu hekk, filwaqt li qed jitolbu li jiġi ppubblikat il-filmat mill-ferrovija.