“Fil-ġimgħat li ġejjin se nibqgħu nuru u nindirizzaw l-isforzi tagħna biex nibqgħu ngħinu.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt attività politika tal-Partit Laburista fil-Pjazza San Franġisk, fir-Rabat Għawdex, fejn sostna kif il-Gvern bid-deċiżjonijiet tiegħu fl-aħħar sena ra li jġib sens ta’ serenità u trankwilità.
Dr Abela sostna dan hekk kif aċċenna għall-kuntatt dirett man-nies fl-aħħar ġimgħat u kif il-Gvern qed ifassal il-politika tiegħu abbażi ta’ dan.
“L-għajnuna li tajna fil-prezzijiet tal-enerġija, hija l-iktar miżura importanti li ħadna f’dawn l-aħħar xhur u f’dawn l-aħħar snin u se tkun l-iktar miżura importanti fil-budget li se nħabbru fit-tletin ta’ Ottubru biex nassiguraw stabbilità sħiħa fil-prezzijiet kollha tal-enerġija.”
Fil-fatt, il-Prim Ministru rrimarka li dan huwa l-kuntrarju tal-Oppożizzjoni li l-manifest tagħha, l-unika kelma li fih hija awsterità.
Kien hawn li Dr Abela aċċenna għal dak li rrimarka l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba b’rabta mal-importaturi ewlenin f’pajjiżna, b’mod partikolari għar-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn ipproteġa lill-istess importaturi quddiem profitti eċċessivi fuq il-prodotti l-iktar essenzjali tal-ikel.
“Imma oħroġ il-għaġeb jirreaġixxi l-Partit Nazzjonalista bi spin li litteralment qed jipproteġi lil min qed jagħmel profitering, jiġifieri min qed jaqla’ mhux profitti imma profitti eċċessivi. Jien nistaqsihom ħaġa, lil min qegħdin tipproteġu? Fi żgur minthomx tipproteġu lill-poplu Malti, aħna konsistentament se nibqgħu nipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Dr Abela qal li din il-pożizzjoni tirrifletti dik li ħadu fil-Parlament Ewropew fejn għal darba oħra kienu kontra Malta u Għawdex.
Hawn emfasizza li l-Partit Nazzjonalista jrid il-poter għall-avvanz personali tiegħu u din il-kilba qed twassalhom li jaħdmu kontra l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.
Intant, il-Prim Ministru Abela fakkar f’diversi laqgħat li kellu mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol tagħhom fosthom aktar kmieni din il-ġimgħa. Irrimarka li fost id-diversi temi li ddiskutew miegħu kien hemm dik tal-ħaddiema barranin li qed jaħdmu f’pajjiżna.
Filwaqt li sostna kif kulħadd jifhem l-importanza tal-ħaddiema barranin anke biex ikomplu jiżdiedu x-xogħlijiet f’pajjiżna u jiġu sostnuti diversi setturi u oqsma ta’ xogħol, il-Prim Ministru aċċenna għall-numru ta’ abbużi li kienu qed isiru fl-aħħar snin f’dan ir-rigward.
Għalhekk l-importanza tat-tfassil ta’ liġi li tirregola t-t-temping agencies; l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Sostna li din il-liġi se ddaħħal regolamentazzjoni stretta li biha se jinqata’ dan l-abbuż.
“Se tkun liġi li nixtieq inkun ċar daqs il-kristall fuq punt wieħed, se tkun liġi li se ddaħħal regolamentazzjoni waħda stretta u se tkun abbinata mal-prinċipju li mhux aċċettabli li biex igawdu l-ftit, ibgħatu l-ħafna. Se tkun liġi soda u li l-għan ewlieni tagħha se jkun wieħed li naqtgħu l-abbuż.”
Intant ma kienx jonqos li l-Prim Ministru jitkellem dwar il-gżira tat-tliet għoljiet fejn il-ġimgħa li għaddiet żar skola tal-edukazzjoni post-sekondarja f’Għawdex fejn ħa gost jiltaqa’ mat-tfal li għandhom viżjoni ta’ xi jridu għal Għawdex ta’ għada.
Hawnhekk tkellem dwar l-avvanzi fl-aħħar snin tal-gżira Għawdxija fejn qabel l-2013 kien hawn id-doppju ta’ gradwati minn kemm kien hawn opportunitajiet ta’ xogħol. Dan b’differenza għal-lum il-ġurnata hekk kif irrdoppja l-ammont ta’ ħaddiema Għawdxin li qed jaħdmu fis-settur privat.
Ftit jiem biss il-bogħod milli jitħabbat il-Budget għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem qal li jrid Budget għan-nies. Fil-fatt, spjega li l-budget huwa eżerċizzju ħaj li jimxi minn sena għall-oħra.
Tkellem dwar id-diskussjonijiet ta’ qabel il-Budget li kellu ma’ diversi persuni u b’laqgħat kontinwi man-nies b’riżultat li qed jitfasslu deċiżjonijiet favur Budget li minnu se jgawdu l-ħafna u mhux il-ftit.
Dr Abela elenka li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jiġi ffinalizzat it-tieni Budget minn ħamsa, Budget li bih se jkunu afforontati l-isfidi waqt li dejjem isir aktar investiment f’Malta tagħna.
“Budget biex ngħinu lill-penzjonanti, biex ngħinu lill-familji, biex ngħinu lill-middle class, biex ngħinu lin-negozji. Budget li bih se naffrontaw l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni u fl-istess ħin ninvestu aktar biex nibnu Malta u Għawdex ta’ għada aħjar. Inħeġġiġkom komplu magħna, komplu tuna l-ideat, komplu agħtuna l-fehmiet tagħkom. Irrid li l-politika infassluha flimkien biex tkun tassew politika min-nies għan-nies għax hekk nibnu Malta ġusta u hekk insaħħu Malta tagħna.”