Id-deputat Għawdxi Alex Borg jinsab għaddej b’manuvri biex jipprova jibni biżejjed appoġġ bil-għan li jipprova jaqla’ lil Alex Perici Calascione minn Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Jirriżulta li Borg wera dan l-interess ma’ diversi kollegi tiegħu fil-grupp parlamentari u attivisti tal-Partit Nazzjonalista, tant li fid-Dar Ċentrali dan il-‘lobbying’ qajjem kjass sħiħ u ttieħdet deċiżjoni li jintbagħtlu messaġġ ċar li m’għandux ċans.
Alex Borg li hu biċċa waħda mal-eks Kap Adrian Delia u l-eks Ministru Giovanna Debono ilu minn meta ġie elett fil-Parlament jimbotta biex jitla l-iskaluni fil-Partit Nazzjonalista.
Iżda, ħafna qisu bħala sorpriża t-tentattivi li qed jagħmel bħalissa. Għalkemm oħrajn fil-Partit Nazzjonalista, li jqisuh bħala pompuż u li jara kbir, qalu li mhuma sorpriżi xejn.
Jirriżulta li quddiem dan kollu fl-aħħar jiem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bagħat għalih bil-għan li jipprova jikkontrolla r-rabja li nqalgħet fid-Dar Ċentrali. Borg, li jqis iktar lil Delia bħala Kap tiegħu milli lil Grech, ma tantx ħa gost b’din il-laqgħa.
It-tagħrif dwar l-aġir ta’ Borg kien ikkonfermat mill-gazzetta Illum, għalkemm uffiċjalment Alex Borg qed jiċħad li hu interessat.
Filwaqt li dawk li tkellmu kontra l-kandidatura tiegħu ddeskrivieh bħala “nej u superfiċjali.”