“Fl-istess xahar li kulħadd jitkellem fuq il-Pink October, jien kont qed niċċekkja jekk il-kanċer hux ħa jeħodli ħajti.”
Hekk qaltilna Ruth Guillaumier – mara li s-sena l-oħra saret taf li għandha kanċer f’sidirha, u issa li l-kbir għadda u rkuprat mit-terapija, qasmet l-esperjenza tagħha ma’ ONE News biex tagħmel kuraġġ lil min jista’ jkun għaddej minn xi sitwazzjoni simili.
Fil-binja tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-mara qaltilna kif is-sena l-oħra, ħasset boċċa f’sidirha u marret mill-ewwel għat-testijiet, fejn irriżulta li kellha kanċer f’sidirha.
“Is-sena l-oħra ma flaħtux Ottubru, għax kulħadd jitkellem fuq Pink October u kulħadd liebes ir-roża, u jiena qiegħda niċċekkja jekk dan il-kanċer hux se jeħodli ħajti.”
Ruth Guillaumier – pazjenta tal-kanċer
Wara l-ewwel operazzjoni, irriżulta li l-kanċer kien aktar aggressiv u Ruth ġiet bżonn il-kimoterapija.
Kien żmien il-Milied u Ruth hija omm ta’ tlett itfal żgħar.
“Sas-surgery, it-tfal kienu jafu li għandi lump imma mhux iktar minn hekk. Malli bdejt il-chemotherapy kelli ngħidilhom għax ix-xagħar waqa’, indunaw li qed nilbes parrokka u fil-fatt ġie mument li wrejthom il-verità minn taħt il-parrokka u ndunaw li din hija parrokka u mhux xagħri.”
Ruth Guillaumier – pazjenta tal-kanċer
Matul il-perjodu tal-kimoterapija, Ruth tistqarr li minkejja l-ansjetà, għamlet mezz li xorta tattendi l-attivitajiet tat-tfal u tkun preżenti fil-mument.
Saħansitra kellha l-preċett ta’ wieħed minn uliedha, fejn anki għażlet parrokka li ma dehritx li mhux xagħarha.
Hija tistqarr li minkejja l-limitazzjonijiet li jġib miegħu l-mard, il-ħajja mat-tliet subien tagħha, baqgħet għaddejja.
“Spiċċajna biex sirna vera close jiena u t-tfal flimkien u kienu joqogħdu attenti li jekk inkunu ħa niltaqgħu man-nies, they used to make it a point li ma ninsiex nilbes il-parrokka.”
Ruth Guillaumier – pazjenta tal-kanċer
Ruth qaltilna li kienet tmur għat-terapija filgħodu meta t-tfal ikunu l-iskola, u spjegatilhom li qed tieħu mediċina qawwija għaliex anki l-adulti jkollhom bżonn imorru għand it-tabib.
“Saret parti mill-ħajja tagħna, jiġifieri ma naħsibx li kienet esperjenza negattiva għalihom, anzi saru iktar aware li jeżisti ċertu mard u li anki aħna l-adulti jista’ jkollna ċertu mard, mhux huma biss.”
Ruth Guillaumier – pazjenta tal-kanċer
L-għajnuna mis-SAMOC ma waqfitx mal-operazzjoni jew it-trattament tal-kimoterapija.
F’Mejju tal-elfejn u wieħed u għoxrin, twaqqaf il-Cancer Survivorship Team, li huma magħmul minn żewġ persuni li jgħinu pazjenti li jkunu lestew it-trattament għall-kanċer.
Id-Direttur tal-Cancer Care Pathways, Dr Danika Marmarà, spjegat il-ħsieb wara dan it-tim.
“Għamilna riċerka fost il-pazjenti bil-kanċer u rajna li l-bżonnijiet tagħhom wara t-trattament, ġieli aħna nbatu li nilħquhom. Per eżempju, inħossu li jkunu waħedhom, qalulna li ċertu drabi jkollhom bżonnijiet li ma jafux ma’ min ħa jitkellmu, ibatu minn effetti psikoloġiċi, emozzjonali, fiżiċi, u waqt il-konsulta mal-konsulent ħafna drabi ħafna drabi aħna nitrattaw it-trattament imma ċertu affarijiet ħolistiċi forsi nbatu ftit fihom.”
Dr. Danika Marmara – Direttur tal-Cancer Care Pathways
Il-Cancer Survivorship Team joffri tliet servizzi ewlenin;
L-ewwel wieħed huma classes li jikkategorizzaw lill-pazjenti skont il-kanċer – minn dawn gawdew mitejn u sittin pazjent.
It-tieni servizz huwa l-Holistic Needs Assessment Clinic, li gawdew minnu aktar minn elf u mitejn pazjent.
Filwaqt li t-tielet servizz huma sessjonijiet one-to-one, li minnhom gawdew tlett elef u seba’ mitt pazjent.
“Ċertu pazjenti Għawdxin ma konniex qed noffrulhom das-servizz u issa bdejna anki nitilgħu Għawdex biex il-pazjenti Għawdxin nilħquhom ukoll.”
Dr. Danika Marmara – Direttur tal-Cancer Care Pathways
Ruth hija waħda mill-pazjenti li gawdew minn dawn is-servizzi.
“Kien hemm diversi classes. Jiena nħobb nitgħallem u ppruvajt li nieħu s-servizzi li jiġu offruti. Kienet xi ħaġa pożittiva. Ma bsartx, ma kontx inħares lejn is-SAMOC għax kont nibża’ imma llum kważi nieħu gost niġi s-SAMOC.”
Ruth Guillaumier – pazjenta tal-kanċer
B’ton pożittiv, liebsa flokk ta’ lewn roża bil-kelma “SURVIVOR” fuqu, Ruth appellat dwar l-importanza li min iħoss xi ħaġa, jitkellem mill-ewwel.
“Jeżisti servizz ta’ screening għal ċertu età u tajjeb li naqbdu u mmorru għax inutli toqgħod tibża’. Better you face the music.”
Ruth Guillaumier – pazjenta tal-kanċer