Ix-xogħol ta’ restawr jammonta għal €40,000 b’ko-finanzjament ta’ 80% minn fondi Ewropej u ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Għal dan il-proġett ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani.
Permezz ta’ dan ir-restawr tnaddaf il-kwadru tal-altar mill-artist Portugiż tas-seklu 17, Emanuel Pereira, flimkien mal-gwarniċ li tinsab fih il-pittura. Tnaddaf ukoll il-kwadru tal-artal, attribwit lill-iskola ta’ Mattia Preti.
Iż-żewġ pitturi kienu esposti għal livelli għoljin ta’ elementi u ġew fi stat ta’ deterjorament.
Dwar is-sinifikat ta’ dawn il-pitturi spjega aktar fid-dettall l-Arċipriet, Dun Trevor Sultana.
“Hekk żgur li l-komunita Parrokjali, l-ewwel u qabel kollox, se tgawdi minn dan ir-restawr, u b’hekk il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, jibqgħu jgawdu dawn l-opri artistiċi li għandna. Li mhumiex biss opri artistiċi imma wkoll opri li jnisslu u jżidu d-devozzjoni lejn ommna l-Verġni Marija.”
Dun Trevor Sultana – Arċipriet
Dan ir-restawr huwa parti minn sensiela ta’ proġetti oħra li saru b’fondi Ewropej.