Mosta ħasdu lil Birkirkara meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0, b’din tkun l-ewwel rebħa għall-Blues matul dan l-istaġun.
Mosta fetħu l-iskor fid-disa’ minuta meta minn corner mogħti minn Willie Britto, il-captain Zach Brincat, approfitta minn ħarġa erratika tal-goaleeper Pollakk tal-Istripes, Marcel Zapytowski, u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-17-il minuta, xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Linus Precious Tenebe għadda għoli.
Il-Mostin komplew jiddettaw il-logħob u fil-21 minuta, xutt ta’ Zachary Brincat minn tarf il-kaxxa għadda għoli.
Birkirkara wieġbu għall-ewwel darba fit-28 minuta meta Alex Satariano kellu xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa jiġi mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
L-Istripes komplew jipproduċu l-isbaħ logħob f’dawk il-ħinijiet u fil-31 minuta, reġa’ kien Alex Satariano li mill-viċin impenja lil Akpan li reġa’ dawwar f’corner.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Istripes u fil-45 minuta xutt ta’ Yannick Yankam kważi minn fuq il-penalty spot ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Akpan biex l-ewwel taqsima spiċċat 1 – 0.
Mosta ħolqu l-periklu fis-57 minuta meta ż-żagħżugħ Nathan Agius qabeż tajjeb żewġ players avversarji qabel kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat tajjeb minn Zapytowsky.
Huma rduppjaw l-iskor fis-70 minuta meta d-difensur ta’ Birkirkara, Marko Dursisic ikklerja l-ballun ħażin li ntemm għand Isaiah Aliyu li xeħet cross lejn Eric Mensah li bir-ras u mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Il-Mostin komplew fuq l-offensiva u fl-74 minuta, l-istess Eric Mensah kellu x-xutt tiegħu devjat f’corner minn Zapytowski.
Birkirkara tilfu ċans tad-deheb li jnaqqsu l-marġni tal-iskor fit-83 minuta meta Simon Zibo kważi minn fuq il-penalty spot tefa’ inkreddibilment barra.
Mosta komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħba: David Udoh Akpan (Mosta FC)