Fit-tieni jum waqt il-ħdax il-edizzjoni tal-5 Nations International Challenge Cup tas-Snooker li qed isiru f’Edinburgh, l-Iskozja, Malta kisbet żewġ rebħiet importanti kontra r-Repubblika tal-Irlanda u l-Iskozja rispettivament, it-tnejn bi skor identiku ta’ 15-12.
L-ewwel avversarji tal-Maltin kienu r-Repubblika tal-Irlanda bl-ewwel logħobiet, bħal dejjem, ikunu dawk tal-irġiel u taż-żgħażagħ fejn Malta sa’ dan il-mument kienet 10-5 minn taħt. F’din il-parti kien Chris Peplow biss li rebaħ lil avversarju Irlandiż. Huwa għeleb lil Stephen Bateman 2-1 filwaqt li fl-ewwel logħba Arthur Cachia beda b’telfa ta’ 3-0 kontra Ross Bulman u Joseph Casha kif ukoll Isaac Borg tilfu 2-1 kontra Philip Browne u Daniel Merrigan rispettivament. Fis-sezzjoni taż-żgħażagħ, Luke Pace minn naħa tiegħu offra reżistenza lil Alex Currid iżda xorta tilef 2-1.
Fid-diviżjoni tal-Masters, Arthur Cachia, Philip Ciantar u Emanuel Mallia kienu vitali għas-suċċess Malti meta rebħu l-logħbiet tagħhom 3-0 kontra Ernie McMullen, Jim Carrick u Brendon Thomas rispettivament. Fil-logħba l-oħra Ivan Attard tilef kontra George O’Hara 2-1.
Aktar tard filgħaxija Malta lagħbet kontra l-Iskozja li kienu diġa rebħu ż-żewġ lobgħiet preċendenti u jinsabu fuq quddiem tal-klassifika. Malta bdiet tajjeb ħafna fil-kategorija tal-irġiel fejn Arthur Cachia u Isaac Borg rebħu 3-0 kontra Ross Vallance u Craig McGillivary filwaqt li Chris Peplow għeleb lil Jack Borwick 2-1. Joseph Casha beda tajjeb ferm kontra Robert Carlise iżda l-Iskoċċiz irkupra wara li tilef l-ewwel frame u rebaħ 2-1. S’hawnhekk Malta bniet vantaġġ ta’ 9-3.
Fit-taqsima taż-żgħażagħ, għal darb’oħra, l-avversarji barranin kollha għandhom esperjenza ħafna akbar minn dik ta’ Luke Pace li qed jilgħab f’kompettizjoni bħal din barra minn xtutna għall-ewwel darba. Iż-żagħżugħ Skoċċiż f’din il-kategorija huwa Adyaan Iqbal li eventwalment rebaħ bl-iskor ta’ 2-1.
Fit-taqsima tal-Masters, Malta xorta żammet ritmu tajjeb u Arthur Cachia u Philip Ciantar, it-tnejn rebħu bi skor ta’ 2-1. L-avversarji Skoċċiżi tagħhom kienu Keith Charmers u Paul Shanks rispettivament pero’ Lee McAllister rebaħ lil Emanuel Mallia 3-0 u Gary Kinnear għeleb lil Ivan Attard 2-1.
Fil-logħbiet l-oħra tal-bieraħ, fl-ewwel logħba tal-ġurnata r-Repubblika tal-Irlanda rebħet kontra Franza 17-10 filwaqt li wara l-Iskozja għelbu lill-Irlanda ta’ Fuq 15-12. Filgħaxija qabel il-logħba ta’ Malta kien imiss il-konfront bejn l-Irlanda ta’ Fuq u Franza fejn tal-ewwel rebħu b’punteġġ ta’ 21 kontra 6.
B’hekk wara t-tieni jum ta’ dan it-tournament l-Iskozja jinsabu fuq quddiem tal-klassifika b’51 punt warajhom Irlanda ta’ Fuq b’47 punt, Malta t-tielet bi 43 punt, ir-Repubblika tal-Irlanda li s’issa lagħbu żewġ logħbiet biss jinsabu r-raba’ b’29 punt filwaqt li Franza fil-ħames post f’19 -il punt.