B’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura klinika tad-dentistrija f’Għajnsielem Għawdex, li b’apparat tal-ogħla livell, qed ittejjeb l-esperjenza edukattiva għall-istudenti tal-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università ta’ Malta.
Fl-istess waqt, il-komunità qed tgawdi minn servizz tal-ogħla livell, b’numru ta’ servizzi jingħataw bla ħlas.
Din il-klinika hija mgħammra b’apparat tal-aħħar teknoloġija u ħdax-il siġġu dentali, li minnhom, l-istudenti qed joffru firxa ta’ servizzi fil-komunità; minn tfal tal-iskola sa anzjani.
Fil-fatt, taħt il-gwida tal-akkademiċi mill-Fakultà tad-Dentistrija tal-Università, l-istudenti qed jattendu din il-klinika matul is-sena akkademika u joffru dawn is-servizzi kliniċi lill-pubbliku, mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
Il-Prim Ministru rrimarka kif dan il-proġett jirrifletti l-prinċipji li qed jiggwidaw lill-Gvern f’kull deċiżjoni li jieħu, għaliex b’ekonomija b’saħħitha, qed jitwettqu proġetti tal-ogħla livell li huma investiment fl-esperjenza edukattiva tal-istudenti, li eventwalment, tissarraf fil-komunitajiet.
Waqt din iż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, il-Prim Ministru elenka diversi benefiċċji u opportunitajiet li se jibqgħu jinħolqu b’kollaborazzjonijiet bħal dawn mal-entitajiet edukattivi.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, id-Dekan tal-Fakultà tad-Dentistrija, il-Professur Nikolai J. Attard, u l-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma.