Waqt konferenza stampa fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li minn issa ’l quddiem it-trattament tal-kimoterapija se jibda jingħata lil ċerti pazjenti fid-dar tagħhom stess.
Hu spjega kif dan is-servizz beda jingħata lill-ewwel pazjenta l-ġimgħa li għaddiet u se jkunu grupp ta’ 12-il pazjent li jibbenefikaw mis-servizz tal-chemo f’darhom. Hu maħsub ukoll li dan is-servizz jiġi estiż aktar ’il quddiem.
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll it-test il-ġdid li beda jingħata lil dawk li nstabilhom kanċer f’sidirhom biex il-kura tkun waħda aktar speċjalizzata u, fejn jista’ jkun, jiġu evitati trattamenti invażivi.
“Numru ta’ pazjenti li qed jieħdu mediċini partikolari se jkunu jistgħu jieħduhom fid-dar tagħhom stess. Dan ifisser li dawn il-pazjenti, li sal-llum iridu jagħmlu ġranet sħaħ l-Isptar ħafna drabi, tlieta, erbat ijiem kull ħmistax għal xhur sħaħ fl-Isptar tagħna, ikunu jistgħu jieħduha d-dar. Dan ifisser aktar serħan il-moħħ għall-pazjent, ifisser li l-pazjent se jkun f’ambjent aktar familjari miegħu u l-familja tiegħu jkollhom moral aħjar. U aħna, bħala sptar, inkunu nistgħu nużaw ir-riżorsi tagħna iżjed preċiżi.”
Chris Fearne
Bernice Scicluna, Charge Nurse, qalet kif dan is-servizz jikkumplimenta kullana ta’ bidliet u avvanzi fis-servizz tal-onkoloġija, fosthom it-tibdil għal sistema aktar moderna u aktar professjonisti speċjalizzati.
Semmiet kif is-servizz tal-kimoterapija fid-dar se jkun kruċjali biex il-pazjenti jibqgħu komdi u aktar konvenjenti għalihom u qrabathom.
“Il-fatt li pazjent m’għandux għalfejn ikun marbut bejn erba’ ħitan, imma jista’ jiġi, nwaħlulu t-trattament u jmur lejn id-dar u jkompli t-trattament tiegħu hemm ikun jista’ jkompli jkun mal-maħbubin tiegħu u fl-ambjent tiegħu ta’ kuljum u jkun jista’ wkoll ikompli mal-attivitajiet ta’ kuljum, mingħajr ma t-treatment jimpedih minn dawn l-affarijiet.”
Bernice Scicluna
Sadanittant id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll fil-kampanja importanti li għaddejja bħalissa fit-tilqim tal-COVID u l-influwenza u kif issa qed jingħataw ukoll fiċ-ċentri kollha tas-saħħa u fil-bereġ, flimkien ma’ xi kunsilli Lokali.
Dan it-tilqim hu miftuħ għal kulħadd u wieħed jista’ jmur jieħu t-tilqima mingħajr il-bżonn ta’ appuntament.