Il-Partit Laburista qal li l-istqarrija, li ħareġ il-Partit Nazzjonalista dwar kif il-Gvern ma jridx jindirizza t-tħassib tal-anzjani, tixhed kif il-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas biss għadu fehem li grazzi għall-Gvern Laburista preżenti, l-anzjani ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni tagħhom u għalhekk lanqas fuq il-COLA u ż-żidiet addizzjonali li jirċievu.
Għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma jistax joffri xi soluzzjonijiet meta lanqas kien jaf il-bażiku, tenna l-Partit Laburista.
L-istqarrija kompliet li dak li hu żgur li, bil-politika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-anzjani bħalissa kienu jkunu qed iħallsu l-prezzijiet għolja tal-enerġija, għax għalih l-għajnuna fl-enerġija mhux sostenibbli u l-prezz għandu jinbidel mal-prezz internazzjonali taż-żejt.
Il-Gvern preżenti diġà ħabbar ukoll kif se jkun hu li jsolvi l-anomaliji tal-pensjonanti li twieldu qabel l-elf disa’ mija, tnejn u sittin.
Il-Partit Laburista temm jgħid li din hi waħda minn sensiela ta’ anomaliji li ħolqu Gvernijiet Nazzjonalisti u li spiċċaw isolvu Gvernijiet Laburisti.