Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said irrappreżentat lil Malta waqt il-Konferenza Internazzjonali għall-Ekonomija Marittima, li ġiet organizzata din il-ġimgħa minn Blue Sea Land ġewwa Mazara del Vallo, fi Sqallija.
Fi stqarrija ġie spjegat kif il-konferenza laqqgħet flimkien delegati minn bosta pajjiżi differenti, fosthom dawk mir-reġjun tal-Mediterran, dawk mill-Afrika, u anke l-Lvant Nofsani. Dan bil-għan li jiġu trattati diversi temi relatati mas-sajd u l-akwakultura, fosthom l-ekonomija marittima ċirkolari, is-sikurezza fl-ibħra tagħna, it-tisħiħ tal-biodiversità marittima, it-turiżmu u s-sostenibbiltà tal-kommunitajiet marittimi.
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said iddeskriviet lil pajjiżna bħala protagonist fil-ħidma li qiegħda issir għall-bidla favur l-Ekonomija Blu, fejn spjegat kif matul is-snin il-Gvern Malti ħadem b’mod konsistenti biex jinvesti, u jniedi l-politika neċessarja, biex jassigura industrija tas-sajd iktar sostenibbli u vijabbli.
“Bħala gżira f’nofs il-Baħar Mediterran, l-identità, l-ekonomija u l-istorja tagħna huma intrinsikament marbuta mal-kapaċitajiet kummerċjali u marittimi tagħna. Filwaqt li kburin bir-rabta ta’ pajjiżna mal-baħar, nirrikonoxxu l-bżonn ta’ iktar żvilupp u progress fl-Ekonomija Blu,” stqarret Bugeja Said.
Hija sostniet li pajjiżna dejjem lest jikkoopera ma’ pajjiżi oħra fi ħdan il-Baħar Mediterran, bil-għan li jassigura sostenibbiltà reġjonali u li jipproteġi l-interessi tas-sajjieda tagħna.
“Malta huwa pajjiż li jemmen fil-bżonn ta’ iktar kollaborazzjoni ma’ pajjiżi ġirien tagħna sabiex flimkien negħlbu numru ta’ ostakli. Nemmen ukoll li din il-ġenerazzjoni għandha t-tagħrif, it-tagħmir u l-viżjoni neċessarja biex inħallu legat lill-ġenerazzjoni li jmiss,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.