Malta se tkun qed tospita laqgħa internazzjonali ta’ livell għoli biex tinstab il-paċi fl-Ukrajna, imsejħa Ukraine Peace Formula, nhar is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Ottubru li ġej.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, fejn intqal li kien l-Uffiċċju tal-President Ukren, li avviċina lill-awtoritajiet Maltin biex issir din il-laqgħa u ġie sostnut li aċċettaw din it-talba minnufih.
Intqal li l-politika internazzjonali ta’ Malta dejjem hi bbażata fuq il-koperazzjoni u r-rispett tal-liġijiet internazzjonali.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tenna li fil-fora internazzjonali Malta għaddiet il-messaġġ tagħha ta’ appoġġ lill-Ukrajna, sakemm jerġa’ jkun hemm il-paċi.
Din il-laqgħa f’Malta se tlaqqa’ flimkien konsulenti diplomatiċi, li huma viċin il-gvernijiet u l-mexxejja.
“Din hi fiduċja f’Malta, fiduċja f’pajjiżna li joffri spazju sigur fejn anke l-politika tagħna favur il-paċi tippermettih. U għaldaqstant kienet faċli meta rċevejt it-telefonata mingħand iċ-Chief of Staff tal-President Zelensky jitlobni biex Malta tkun it-tielet pajjiż li jospita din it-tielet laqgħa li hi serie ta’ diskussjonijiet.”
Ian Borg
Din il-laqgħa f’Malta se ssegwi dawk li saru f’Copenhagen f’Ġunju u f’Jeddah f’Awwissu li għadda.
Dawn il-laqgħat għall-paċi fil-Lvant tal-Ewropa, li se jsiru f’pajjiżna se jkunu qed isiru qabel il-laqgħa tal-G20 f’nofs ix-xahar id-dieħel.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministeru jawgura li dawn il-laqgħat f’Malta jilħqu l-għanijiet tagħhom, dak li jkun hemm il-paċi.
“Inħarsu ’l quddiem li dawn is-security advisors tal-pajjiżi li qegħdin parti mid-diskussjoni tal-Peace Formula, jikkontribwixxu f’pajjiżna ħalli din il-gwerra tasal fi tmiemha. Malta tibqa’ hemm biex tassisti lil dawk kollha li għandhom rieda tajba u allura jaħdmu biex inwaqqfu l-konflitti, inwaqqfu l-gwerer.”
Ian Borg
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-plejer leġġendarju Ukren tal-futbol, Andriy Shevchenko faħħar il-qlubija ta’ Malta għall-mod kif laqgħet refuġjati Ukreni minħabba l-gwerra.
AQRA AKTAR: