“Aħna morna hemmhekk biex nieħdu pjaċir u nagħtu pjaċir lin-nies u f’daqqa waħda ssib ruħek f’esperjenza li ħadd minnha ma kellu esperjenza tagħha.”
Dan kien is-sentiment ewlieni tal-mużiċisti li jifformaw il-band lokali, Damaged & Co. Band, li inzertat kienet f’Tel Aviv, Iżrael, meta seħħ l-assalt mill-militanti tal-Hamas fis-7 t’Ottubru li għadda. Assalt li mmotiva gwerra qalila bejn iż-żewġ naħat u diġà ħalliet eluf ta’ persuni mejta jew midruba.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, iddeskrivew l-esperjenza fir-reġjun, anke jekk kienu kilometri ’l bogħod minn fejn seħħ l-attakk.
Keith Muscat qal, “L-esperjenza mhux waħda sabiħa. Li tkun f’pajjiż li f’daqqa waħda jiġi attakkat u għalina mhux xi esperjenza li tgħaddi minnha u allura mingħajr paniku ta’ xejn ipprovajna kemm jista’ jkun insibu titjiriet lejn Malta. Il-problema kienet li filwaqt li l-Airport baqa’ jaħdem, l-airlines ma bdewx itiru lejn Malta.”
Filwaqt li Muscat spjega kif il-band kienet qed toqgħod kilometri ’l bogħod minn fejn seħħ l-assalt, xorta setgħu jisimgħu l-ħsejjes tal-gwerra.
stqarr, “Aħna konna fiċ-ċentru ta’ Tel Aviv viċin ħafna l-Ambaxxata ta’ Malta. L-aktar qrib li ġejna aħna kienet il-ħoss tar-rockets jaħbtu mal-iron dome.”
Spjega wkoll x’kien ifisser malli ddoqq is-sirena u x’kien isir.
Qal, “Bażikament li konna nagħmlu malli ddoqq is-sirena, tfisser li r-rockets ikunu ġejjin qrib Tel Aviv, kien hemm post sigur fejn konna ningħalqu bejn żewġ bibien tal-ħadid, blast doors, noqogħdu hemm għal 3 minuti jew 5 minuti sakemm jgħaddi l-attakk.”
Aktar dettalji dwar l-esperjenza ta’ din il-band lokali flimkien ma’ mużika li pproduċew huma stess tista’ tinstema’ l-Ħamis filgħaxija fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija waqt il-programm ‘Rock Moods’ li jixxandar fuq ONE Radio.