Dibattitu Parlamentari dwar riżoluzzjoni fuq Malta, imbottata mill-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, reġa’ kixef l-attitudni ta’ David Casa u Roberta Metsola.
Attitudni li għal snin twal rathom ipoġġu lil Malta fiċ-ċentru tal-kritika Ewropea, iżda fl-istess ħin jipprovaw jgħattu n-nuqqasijiet ta’ pajjiżi oħrajn.
Din id-darba kienu MEPs minn pajjiżi oħrajn, li saħansitra nnotaw dan.
L-MEP Sophie Int Veld, mill-grupp Renew u li mhux darba u tnejn kienet kritika ta’ Malta, innotat l-attitudni tad-double standards.
Qalet, “It is true that we are talking here about Malta today, because the EPP did not want to have a debate on Greece. Dear colleague, there is a systematic problem with the rule of law in Greece”.
L-EPP hu l-grupp ta’ Metsola u Casa u Int’ Veld fakkret kif f’pajjiżi oħrajn inqatlu ġurnalisti li saħansitra l-mewt tagħhom ma kienx investigat.
Hawn il-Membru tal-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, ukoll tkellem dwar dan u fid-dibattitu qam u ffaċċja lill-MEPs tal-Partit Popolari Ewropew dwar din ir-realtà.
Stqarr, “Fl-aħħar snin inqatlu l-ġurnalisti fil-Greċja, fl-Olanda, fis-Slovakkja u dawn biss fl-Unjoni Ewropea. U allura kien hemm il-mistoqsija minn ħafna membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti, għalxiex niddiskutu lil Malta biss. Ovvjament Malta hi importanti. Irridu naraw li ssir ġustizzja. Irridu naraw li jsiru riformi fil-midja fil-protezzjoni tal-ġurnalisti, imma hemm bżonn li naraw li dan isir fl-Unjoni Ewropea kollha.”
Il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u l-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba, sostna li l-unika aġenda li kellhom Casa u Metsola f’dan id-dibattitu kienet dik li jitfgħu dell ikrah fuq Malta f’livell internazzjonali.
Dan filwaqt li jibqgħu jinjoraw ir-riformi li saru, li fid-dibattitu saħansitra kienu anke nnotati mill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Vera Jourova.
Qal, “Dan it-tip ta’ aġir mhuwiex aċċettabbli. Li fl-aħħar mill-aħħar, il-messaġġ tiegħi kien ukoll qed jesponi lill-Grupp Popolari fil-Parlament Ewropew għall-ipokrezija tagħhom li mexxew riżoluzzjoni waħda fuq waħda kontra Malta, imma mbagħad f’każ ieħor fi gvern Konservattiv fil-Greċja m’għamlu xejn. Baqgħu siekta, anzi opponew milli titla’ riżoluzzjoni waħda. Għall-Griegi, l-EPP lanqas riedu li niddiskutu riżoluzzjoni waħda meta kellek attakk fuq il-ġurnalisti, imma fuq Malta għamlu 12-il riżoluzzjoni f’leġiżlatura waħda biss.”
Pajjiżi oħrajn ma jsibux MEPs tagħhom stess jaħdmu kontra pajjiżhom.
Għax kieku hemm lok ta’ dibattiti dwar bosta gvernijiet. Il-Franċiża mill-Partit tal-Ħodor, Gwendoline Delbos Corfield, innotat kif qatt ma tellgħu diskussjoni dwar il-Greċja jew il-Bulgarija.
Stqarret, “It seems that we never have the time or the opportunity of having a public scrutiny in depth like Greece or Bulgaria. High level of corruption. Threats for journalists. So why is that?”
Fil-fatt, meta Metsola ħarġet għonqha għall-Gvern Bulgaru kontra l-attivisti ċivili, tlaqqmet minnhom stess bħala Mrs Mafia.
U dan kollu filwaqt li fuq Malta jsiru allegazzjonijiet foloz.
Il-membru tal-Parlament Ewropew, Josianne Cutajar, qalet li qed jitressqu riżoluzzjonijiet li jew ma jirrikonoxxux dak li diġà sar jew huma mibnijin fuq nofs fatti.
Stqarret, “Hu essenzjali li nirrikonoxxu dak li diġà sar f’pajjiżna, għax diġà kellna ċiklu ieħor ta’ spekulazzjoniiet u nofs fatti fir-riżoluzzjoni li se nkunu qed nivvotaw fuqha u dan mhux aċċettabbli. Importanti li nirrikonoxxu li baqagħlna aktar ħidma xi nwettqu f’dan il-qasam, anke fejn tidħol il-protezzjoni tal-ġurnalisti, iżda rridu nirrikonoxxu dak li diġà sar.”
Min-naħa tiegħu, il-Membru tal-Parlament Ewropew Alfred Sant kiteb li l-Parlament Ewropew m’għandux ikun hemm għal dibattiti partiġġjani dwar Malta li ma jwasslu għal imkien. Aktar u aktar f’perjodu fejn din l-istituzzjoni missha qed tiffoka fuq l-atroċitajiet li għaddejin fil-Lvant Nofsani.