Għalqu l-applikazzjonijiet għar-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Festivals Malta ħabbar li bħal kull sena, l-aġenzija rċeviet rispons pożittiv b’diversi sottomissjonijiet minn kompożituri, awturi, kantanti u bands lokali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li bħal kull sena oħra, l-aġenzija rċeviet ammont sostanzjali ta’ sottomissjonijiet. Dan juri l-interess li għandhom l-artisti lokali għal dan il-festival.
Frans Agius kompla jgħid li l-mużika Maltija hija fil-quċċata ta’ dak li nagħmlu, u dan ir-riżultat iqawwilna qalbna biex inkomplu nkabbru l-legat ta’ dan il-festival tant maħbub mill-Maltin u l-Għawdxin
Il-Bord ta’ Mużika Mużika flimkien u t-tim ta’ Festivals Malta ser jibdsw jaħdmu fuq jaħdem fuq l-għażla tal-għoxrin semifinalist li ser jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-festival.
Il-fażi li jmiss tikkonsisti f’sessjonijiet ta’ evalwazzjoni minn ġurija esperta fejn ser jiġu magħżula l-aħjar 40 kanzunetta. Minn hemm il-kanzunetti magħżula jiġu interpretati live, akkumpanjati minn backing track, quddiem ġurija differenti minn dik ta’ qabel.
F’din il-fażi finali jintgħażlu l-20 kanzunetta semifinalista li ser jikkompetu fil-festival f’Marzu tas-sena d-dieħla.
Is-semifinalisti ta’ Mużika Mużika ser jiġu mħabbra wara l-live auditions li ser isiru f’Novembru, permezz ta’ stqarrija separata. Mużika Mużika 2024 ser isir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Għal aktar informazzjoni fuq il-festival żur is-sit www.muzikamuzika.mt.