Roberta Metsola qed tiffaċċja mistoqsijiet kbar u ġiet ikkritikata bl-aħrax għall-aġir tagħha meta tat biss l-appoġġ lil Iżrael, li bl-attakki tal-qawwiet tiegħu nqatlu eluf ta’ persuni ċivili f’Gaza.
Rapporti f’siti awtorevoli bħal Politico nnotaw kif membri tal-Parlament Ewropew ikkritikaw dak li għamlet Metsola, għax qadfet għal rasha u meta żaret Iżrael ma ppreżentatx il-pożizzjoni sħiħa ta’ Unjoni Ewropea magħquda.
Saħansitra d-Deputat Ambaxxatur tal-Awtorità Palestinjana għall-Unjoni Ewropea saħaq li Metsola hi waħda li għandha double standards għall-umanità.
Bosta stati membri jinsabu urtati dwar kif il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, flimkien ma’ Von der Leyen pinġew pożizzjoni mhux eżatta tal-Unjoni Ewropea.
“Bħala Unjoni Ewropea nikkundannaw l-attakki brutali mill-grupp terroristiku Hamas, iżda lanqas nagħtu l-jedd lil Iżrael li joqtol persuni ċivili f’Gaza”, qalet il-President tas-Soċjalisti Ewropej fil-Parlament Ewropew, Iratxe García.
Fuq is-sit awtorevoli Politico hi ġiet ikkwotata tgħid li, biż-żjara tagħha f’Iżrael, Metsola falliet milli tkun imparzjali u tippreżenta pożizzjoni ta’ Unjoni Ewropea magħquda.
Membru Parlamentari Spanjol ieħor kien iebes għad-double standards ta’ Metsola li, bħala President tal-Parlament Ewropew, qal li mhux tippermetti imqar minuta silenzju għall-mewt ta’ persuni ċivili Palestinjani, fosthom tfal u nisa f’Gaza.
Qal, “Mhemmx liġijiet tal-gwerra. Mhemm ħadd li jista’ jaħrab. Kulħadd hu kkundannat u għalhekk inti tajt l-appoġġ tiegħek mhux f’isem il-Parlament Ewropew, għax il-Parlament għandu bżonn ikollu dibattitu u diskussjoni, għax għandna Olokawst kontra popolazzjoni tal-Palestinjani. Lanqas jista’ jkollna minuta ta’ silenzju.”
Bosta membri Parlamentari Ewropej oħrajn indirizzaw lil Metsola u Von der Leyen u qalulhom li nsew prinċipju sagrosant, dak li kulħadd irid jirrispetta l-liġijiet internazzjonali umanitarji.
Dan b’referenza li l-qawwiet Iżraeljani issa ilhom fuq ġimgħa li għalqu l-bieb f’wiċċ il-Palestinjani ċivili maqbudin f’Gaza, mingħajr ilma, elettriku u għajnuna umanitarja, bħal mediċini.
“B’dak li qdiftu għal raskom, tappantu lill-Unjoni Ewropea kemm hi. Jeħtieġ sforz ikkordinat”, intqal f’rapporti oħrajn dwar l-aġir irresponsabbli ta’ Metsola, hekk kif kemm il-mexxejja Ewropej, li ltaqgħu b’mod virtwali f’Kunsill Ewropew, u anke r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, kien aktar kritiku għall-azzjonijiet ta’ Iżrael li qed jassedja lil Gaza.
Sadanittant ġurnalista, li kienet parti minn ġurija li tat il-premju tal-ġurnaliżmu bl-isem ta’ Daphne Caruana Galizia, innotat kif, filwaqt li Metsola marret tippreżenta dan il-premju, ġimgħa ilu kienet qed tippoża għar-ritratti waqt li tieħu b’idejn nies f’Iżrael u tappoġġja l-operazzjoni militari tagħhom f’Gaza, li qatlet saħansitra l-ġurnalisti.