Kontigent Malti ta’ players amateurs tas-Snooker illum mar Edinburgh, l-Iskozja, biex għall-ewwel darba jieħu sehem fil-5 Nations International Challenge Cup li fiha, barra Malta, ser jieħdu sehem l-Iskozja, ir-Repubblika Irlandiża, l-Irlanda ta’ Fuq u Franza.
Din ser tkun il-ħdax il-edizzjoni ta’ dan it-tournament internazzjonali li ser jiġi organizzat fl-istess lokalita’ li nżammet l-edizzjoni tal-2017. L-ewwel edizzjoni kienet saret fl-2012 f’Ronchin viċin il-belt ta’ Lille fi Franza u ntrebħet mir-Repubblika Irlandiża li minn 10 darbiet ħarġu rebbieħa f’seba’ edizzjonijiet bit-tlett rebħiet l-oħra jmorru għand l-Irlanda ta’ Fuq.
It-team Malti ser ikun kompost minn tmien players, Chris Peplow, Isaac Borg, Joseph Casha u Arthur Cachia li ser jilgħabu fil-katergorija tal-irġiel filwaqt li Philip Ciantar, Ivan Attard, Emanuel Mallia flimkien ma’ Arthur Cachia, li ser jilgħab fit-team tal-irġiel ukoll, ser jieħdu sehem fil-kategorija tal-Masters. F’dan it-tournament hemm ukoll id-Diviżjoni tal-Juniors u rappreżentant Malti f’din l-kategorija huwa Luke Pace. Ivan Attard huwa l-captain tat-tim Malti.
L-ewwel impenji għal players Maltin jibdew għada wara nofs in-nhar u l-ewwel konfront huwa kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Il-Gimgħa Malta tilgħab darbtejn l-ewwel kontra Repubblika Irlandiża u aktar tard filgħaxija kontra l-Iskozja. Is-Sibt fl-aħħar jum ta’ dan it-tournament Malta tiltaqa’ ma Franza.
Il-pajjiz rebbieħ ikun dak li jirbaħ l-akbar numru ta’ frames.
Il-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, li qed imexxi d-delegazzjoni Maltija ħabbar li l-edizzjoni tas-sena d-dieħla ser tkun organizata Malta.