Wirja pożittiva ma kinitx hiżżejjed għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena hekk kif safa megħlub mill-Iskozja bl-iskor ta’ 2-1 f’partita oħra minn Grupp B tal-Kampjonati Ewropej tal-stess kategorija.
Fl-ewwel taqsima, Malta kellha s-sehem tagħha ta’ pussess tal-ballun u opportunitajiet.
L-ewwel ċans għal Malta wasal fis-seba’ minuta, b’Sciberras jirnaħ ballun sabiħ mil-lemin, għadda tajjeb lejn Veselji li żmarkat, li kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu, salvat mill-goalkeeper tal-Iskozja, Cieran Slicker.
L-Iskozja wieġbu fit-12-il minuta b’xutt ta’ Mulligan li ġie mblukkat bi bravura mill-goalkeeper Malti, Hugo Sacco.
Ir-reżistenza ta’ Malta damet 32 minuta, meta Matthew Anderson ġie ġġudikat mir-referee Rumen, Marcel Birsan, li ġie ffawljat fil-kaxxa minn Ellul.
Mill-11-il metru, Alex Lowry, ma żbaljax hekk kif xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-maltin ħarġu ferm aggressive u fit-52 minuta, ġabu l-iskor indaqs, bit-tieni penalty tal-logħba, meta Veselji ġie ffawljat fil-kaxxa minn Anderson. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-attakkant ta’ Messina, Andrea Zammit, li tefa’ l-ballun naħa u l-goalkeeper Slicker in-naħa opposta, għall-ewwel goal għal Malta f’dan il-grupp ta’ Kwalifikazzjoni.
Sekondi wara Malta resqet viċin li tmur fil-vantaġġ, meta s-sostitut Nikolai Micallef kellu x-xutt tieghu jaħbat mal-mimduda bil-goalkeeper Skoċċiż, Slicker, megħlub għal kollox.
Madankollu, kienu l-Iskoċċiżi li skorjaw il-goal tar-rebħa fit-82 minuta meta Mulligan xeħet cross fil-baxx li sab lil Kieron Bowie żmarkat, li b’xamma kbira għall-goal u minn anglu magħluq, irnexxielu jsib ix-xibka.
Iżda l-Maltin ma rmewx ix-xugaman u wettqu reazzjoni tajba u tliet minuti wara, daqqa ta’ ras ta’ Mattia Veselji stampat mal-mimduda, b’din tkun it-tieni lasta li laqtu l-Maltin tul id-90 minuta.
L-Iskoċċizi komplew jamminitraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.