“Malta tibqa’ tikkundanna, bla ebda dubju, l-azzjonijiet tal-grupp terroristiku Hamas, filwaqt li tirrimarka fuq id-dritt li Iżrael jiddefendi ruħu, skont il-parametri tal-liġi internazzjonali. Hu importanti li l-grupp Hamas ma jitpoġġiex f’keffa waħda mal-Palestinjani kollha f’Gaza.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’Summit straordinarju tal-Kunsill Ewropew, li sar b’mod virtwali, fejn iddiskutew is-sitwazzjoni traġika preżenti fil-Lvant Nofsani.
Meta indirizza lill-bqija tal-mexxejja Ewropej mill-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-messaġġ ta’ pajjiżna jibqa’ wieħed konsistenti li l-liġi internazzjonali tkun rispettata bejn dawk involuti. Dan fl-istess ħin li t-triq ġusta u komprensiva għall-paċi tibqa’ s-soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Dr Abela sostna li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq ħames punti importanti b’mod immedjat biex tindirizza t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani.
Qal li trid tibqa’ s-sejħa immedjata tal-ħelsien bla kundizzjoni ta’ ostaġġi maqbudin mill-Hamas fl-Istrixxa ta’ Gaza.
Dr Abela qal li rridu wkoll innaqqsu l-eskalazzjoni tal-konflitt f’żoni oħrajn fir-reġjun tal-Lvant Nofsani. Dan għandu jsir b’mod ikkordinat ma’ pajjiżi sħab oħrajn fil-Lvant Nofsani.
Il-Prim Ministru spjega li rridu nassiguraw li l-għajnuna umanitarja tasal lil min jeħtieġ.
“Hu kruċjali li organizzazzjonijiet li jridu jipprovdu għajnuna urġenti jkollhom ir-riżorsi anke finanzjarji biex jagħmlu dan”, saħaq Robert Abela.
Hu kompla li, bħala Unjoni Ewropea, iridu jissaħħu l-isforzi fuq is-sigurtà interna fl-isfond tal-konflitt fil-Lvant Nofsani. Il-Prim Ministru rrimarka wkoll fuq il-ħtieġa ta’ moniteraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni anke minħabba li l-konflitt jista’ jwassal għal sfida fl-immigrazzjoni. Hawn intlaqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea lesta tappoġġja pajjiżi ġirien f’dan ir-rigward.
Il-Prim Ministru temm l-intervent tiegħu billi aċċenna li, bħala Unjoni Ewropea, irid jibqa’ għaddej id-djalogu mal-Gvern Iżraeljan u l-Awtorità Palestinjana.
In an extraordinary #EUCO meeting addressing the Middle East I emphasized on key priorities, including the release of hostages, the provision of humanitarian aid & the safeguarding of civilians in adherence with int. law. We must foster peace rooted in the two-state solution. -RA pic.twitter.com/COIilIEgwC
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 17, 2023