Id-Deputat u Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għal Għawdex Alex Borg ikkonferma waħdu li l-fake news, li kien qed jipprova jxettel dwar xi splużjoni ta’ kriminalità minn barranin f’Għawdex, ma kienet xejn iżjed minn hekk – fake news.
Fil-fatt mistoqsija Parlamentari, li għamel hu stess lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, fejn talab iċ-ċifri dwar kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar ħames snin fuq reati kriminali li twettqu f’Għawdex, partikolarment dawk ta’ ċittadinanza barranija, żvelat li dawk, li ġew akkużati bihom quddiem il-ġustizzja, fil-maġġoranza assoluta kienu Maltin jew Għawdxin.
It-tendenza ta’ barranin akkużati b’reati kriminali f’Għawdex kienet l-istess kull sena bejn l-2018 u Settembru ta’ din is-sena u baqgħet ma nbidlitx.
L-istess jingħad għall-ammont ta’ reati rrapportati fil-gżira, għajr għas-sena 2020 meta kien hemm żieda relattivament minima fuq il-medja annwali.
It-tagħrif mogħti mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt is-seduta Parlamentari tat-Tnejn, awtomatikament jikkonferma li l-biża’ li pprova jiżra’ f’Għawdex il-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista Alex Borg kien biss fake news.
Dan fl-istess ħin li, bl-akbar mod irresponsabbli, qed jipprova jfixkel anke l-attività ekonomika fil-gżira, li hi waħda mill-aqwa bħalissa, kif jikkonfermaw in-negozji nfushom.
Alex Borg ilu jxerred fake news fuq il-midja soċjali tiegħu bil-għan li jipprova joħloq sensazzjonaliżmu, kif ġie rrapportat mill-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha. Dan ħoloq ferment u għadab kbir fost numru ta’ Għawdxin għad-Deputat Nazzjonalista li donnu beda kruċjata biex jipprova jpinġi stampa ta’ Għawdex u żoni bħal Marsalforn li mhux minnha, b’detriment anke għal ħidmet il-Pulizija Għawdxija.
Il-KullĦadd innotat li dan, minkejja li Borg jaf li l-Pulizija Għawdxin qed jagħmlu xogħolhom, tant li Daniel Cordina, Kunsillier Nazzjonalista fil-lokal taż-Żebbuġ, li taħtu jaqa’ Marsalforn, iddikjara fuq il-midja soċjali l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li qed jagħmlu l-Pulizija tal-Komunità, għax ftit ħafna għadu jisma’ b’inċidenti fil-lokalità. Il-fatt li Alex Borg nieda din il-kampanja meskina u regolarment jispara fuq Facebook il-fake news tiegħu, biex anke jipprova jikseb xi punti politiċi wkoll, qed jiġi zzikat biha anke minn nies qrib l-avversarju politiku tiegħu fl-istess Partit, l-eks Ministru Chris Said.
Dawn fil-fatt laqqmuh u qed ixerrduhielu bħala l-‘Politiku ta’ Facebook’ jew ‘Mr Facebook’.