Il-Pulizija qed tinvestiga rapporti ta’ vandaliżmu fuq Bieb il-Bombi.
Dan wara li għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu daħal rapport ta’ graffiti li ġew innutati fuq Bieb il-Bombi.
Fuq il-post kien hemm uffiċjali tal-Forensika tal-Pulizija biex jieħdu r-ritratti u l-kampjuni taż-żebgħa li jgħinu fl-investigazzjonijiet, bil-għan li jinqabad min għamel dan l-att vandalu.
F’dan ir-rigward għandhom jiġu investigati xi filmati minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi.
B’dan il-każ ġie nfurmat id-Dipartiment tas-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Portes des Bombes, magħruf aħjar bħala Bieb il-Bombi, oriġinarjament inbena fl-1721 fuq disinji tal-arkitett Charles François de Mondion, bħala bieb qabel il-linji difensivi tal-Floriana, li mbagħad ġie imkabbar bil-bini tat-tieni arkata fl-1868 fi żmien il-ħakma Ingliża.
Maż-żmien ġew imwaqqa’ l-ġnub tal-bieb, u tħallew iż-żewġ arkati bħala ark trijonfali bl-iskop kien biex ifakkar ir-rebħiet tal-kavallieri.
Il-bieb u l-bqija tal-Linji tal-Furjana ġew inklużi fil-Lista tal-Antikitajiet tal-1925.
Bieb il-Bombi ġie rrestawrat bejn Settembru tal-2002 u Marzu tal-2003.