Kull ħajja mitlufa fil-Lvant Nofsani hi traġedja għall-umanità. Dan stqarru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, waqt li għamel Stqarrija Ministerjali fil-Parlament it-Tnejn waranofsinhar.
“F’dawn iż-żminijiet turbolenti meħtieġa diplomazija qawwija. Għaldaqstant, Malta se tkompli tappoġġja kull sforz tal-komunità internazzjonali għar-riżoluzzjoni ġenwina li twassal għal paċi dejjiema f’Iżrael, fil-Palestina u fil-bqija tar-reġjun.”
Hu qal li hemm Malti-Amerikan, li għandu ċittadinanza doppja u li jinsab fl-Istrixxa ta’ Gaza. Intqal li l-Gvern Malti qed jaħdem ma’ dak Amerikan biex il-persuna tinħareġ minn din il-belt minnufih, meta jinfetħu l-fruntiera bejn il-Palestina u l-Eġittu.
“L-unika persuna li fadlilna identifikata fuq in-naħa ta’ Gaza, li qed jitlobna l-għajnuna biex joħroġ minn Gaza u allura hemm l-istennija sakemm jinfetħu l-fruntieri u allura qed niddiskutu ma’ anke l-Amerikani kif jista’ jkun wieħed li joħroġ minn hemm.”
Il-Ministru Ian Borg tenna li pajjiżna jsostni li Iżrael għandha dritt tiddefendi l-art tagħha, iżda għadha tagħmel dan b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet internazzjonali.
Hawnhekk hu kkundanna l-attakk terroristiku mill-grupp Hamas, fejn ġie sostnut li hemm distinzjoni bejn il-grupp Hamas u l-poplu Palestinjan.
Dr Borg semma li, fl-aħħar jiem, hu tkellem mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael u l-Palestina, rispettivament.
Fl-Oman, mal-Ministri Ewropej u dawk tal-Golf, Ian Borg tenna li l-Unjoni Ewropea m’għandiex tissospendi l-għajnuna umanitarja lill-Palestina.
Il-Ministru fil-Parlament semma kif it-Tlieta filgħaxija, il-mexxejja Ewropej se jiltaqgħu b’mod virtwali biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
“It-Tlieta, il-Kapijiet tal-Gvernijiet se jiltaqgħu b’mod virtwali biex ikomplu jistabbilixxu l-pożizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxu kors ta’ azzjoni ċar u unifikat li jirriflettu l-kumplessità tas-sitwazzjoni.”
Dr Borg irringrazzja lill-korp diplomatiku Malti tal-ħidma tiegħu, waqt li rringrazzja s-suldati Maltin li jinsabu fil-Libanu fuq missjoni tal-Ġnus Maqgħuda.
Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis appella biex Malta tkompli tgħaddi l-messaġġ favur il-paċi kif ġara fis-snin passati.
Id-Deputat Glenn Bedingfield appella li Malta taħdem mal-Unjoni Ewropea biex ikun hemm għajnuna umanitarja lejn il-Palestina, fejn l-aktar li hemm bżonn.
Id-Deputat Randolph de Battista semma kif, waqt il-gwerra, hemm kampanja ta’ miżinformazzjoni fuq il-midja soċjali u appella biex il-popli bejniethom jaħdmu għall-paċi.