Editorjal tal-gazzetta L-Orizzont faħħar id-deċiżjoni storika li żgħażagħ ta’ sittax jew sbatax-il sena jistgħu jsiru Sindki jew Viċi Sindki.
Bit-titlu “Gvern li se jkompli jikteb l-istorja”, ingħad li Gvern Laburista mill-elfejn u tlettax implimenta numru ta’ miżuri li taw saħħa liż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u tmintax-il sena.
Hawnhekk issemma kif Gvern Laburista implimenta VOT16, l-ewwel fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali u wara fl-elezzjonijiet ġenerali.
Ġie nnotat li kien hemm xettiċiżmu dwar dan, iżda ntqal li din kienet riforma storika.
Intqal li l-ewwel darba li ġrat din kienet fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew fl-elfejn u dsatax u kienet suċċess. Dan hekk kif kienu ġew eletti tliet żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena, bi tnejn minnhom ġabu l-akbar u t-tieni l-akbar ammont ta’ voti rispettivament.
Intqal ukoll li “dak iż-żmien kien hawn sentiment li ma kienx sew li dawn iż-żewġ żgħażagħ ma setgħux jieħdu posthom bħala Sindku u Viċi Sindku rispettivament f’Ħal Għargħur u San Pawl il-Baħar.”
Ħafna kienu kitbu li din kellha tinbidel u hekk qed isir issa mill-Gvern, bir-riforma storika li żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena jistgħu jsiru Sindki jew Viċi Sindki – b’Malta issa tkun l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se tagħmel dan.
L-editorjal innota wkoll li l-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn dwar l-importanza ta’ din ir-riforma, li turi kemm il-Gvern għandu fiduċja fiż-żgħażagħ.
Dan l-editorjal jingħaqad mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-fergħa Żgħażagħ Laburisti, li wkoll faħħru din il-miżura.