Mil-lum it-tilqima tal-influwenza u l-booster tal-COVID bdew jingħataw lil kulħadd mingħajr ħlas fiċ-ċentri tas-saħħa kollha f’pajjiżna u mill-kliniċi tal-komunità skedati, mingħajr il-bżonn t’appuntament.
Iċ-ċentri tas-saħħa se jkunu qed jipprovdu dan is-servizz mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-għaxra ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija.
Sadanittant is-Sibt 28 ta’ Ottubru u l-Ħadd 29 ta’ Ottubru 2023, tfal minn sitt xhur sa ħames snin, u tfal li jbatu minn mard kroniku, se jkunu eliġibbli għat-tilqim mill-kliniċi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni (NIS) fil-Mosta, Raħal Ġdid, il-Furjana u x-Xewkija, Għawdex.
Il-ġenituri, li jakkumpanjaw lil uliedhom, ukoll se jingħataw l-opportunità li jirċievu t-tilqim. Il-kliniċi kollha tal-NIS se joperaw mit-tmienja ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija.
It-tfal u adolexxenti sa 17-il sena mbagħad jiġu offruti l-vaċċin, jew spray nażali, fuq tliet tmiem il-ġimgħa konsekuttivi li jibdew mill-4 ta’ Novembru u jispiċċaw il-Ħadd 19 ta’ Novembru mill-istess kliniċi nazzjonali fil-Mosta, Raħal Ġdid, il-Furjana u x-Xewkija, Għawdex.
Wara l-20 ta’ Novembru, it-tfal kollha minn sitt xhur sa 17-il sena se jitlaqqmu mill-kliniċi regolari kollha tal-NIS mit-tmienja ta’ filgħodu sas-siegħa ta’ waranofsinhar.
Il-vaċċin tal-COVID jista’ jingħata fl-istess jum tat-tilqim tal-influwenza jew kwalunkwe jum qabel lill-persuni kollha, ħlief dawk li qatt ma tlaqqmu qabel kontra l-COVID. Dawn tal-aħħar hu rrakkomandat intervall ta’ ġimagħtejn bejn id-dożi tal-vaċċin tal-influwenza u l-vaċċin tal-COVID.
Individwi li rriżultaw pożittivi għal COVID-19, jistgħu jirċievu l-vaċċin tal-COVID-19 mill-inqas 4 ġimgħat wara li jkunu ttestjaw pożittivi.
Hu importanti li, min imur biex jitlaqqam, jieħu miegħu l-karta tal-identità, maskra, Karta tat-Tilqim tal-Covid-19 u Ktieb tat-trabi jekk il-klijent huwa tifel jew tifla.
Għall-aġġornamenti regolari u informazzjoni dwar l-iskeda tat-tilqim żur il-paġna ta’ Facebook tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.
L-appell hu biex kulħadd jitlaqqam ħalli jonqos mard bla bżonn fix-xhur tax-xitwa.