Proġett ta’ tisbiħ fiż-Żebbuġ Għawdex, fi sfond ta’ veduta mill-isbaħ tal-pajsaġġ tipiku Għawdxi, ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien ma’ membri mill-kunsill Reġjonali u dak Lokali.
Il-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, Samuel Azzopardi saħaq dwar l-importanza li jibqa’ jiġi preservat il-pajsaġġ u l-ambjent Għawdxi.
Qal li proġetti bħal dawn iservu ta’ spazji miftuħa fejn wieħed jista’ jqatta’ ħin ta’ rilassament flimkien mal-ħbieb u l-familja.
“Dan huwa proġett illi b’interventi tajbin imma minimi, żona li kienet mitluqa setgħet tiġi mibdula f’żona miftuħa fejn nies ta’ kull età jistgħu jiġu hawn u jgawdu kemm l-ambjent u kemm il-panorama.”
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha nvoluti fix-xogħlijiet li saru, il-Ministru għal Għawdex qal li dawn l-ispazji fil-lokalitajiet, anki jekk żgħar, għandhom jinbidlu f’postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familja, tfal u żgħażagħ.
“Din iż-żona int u dieħel iż-Żebbuġ inbidlet fi ġnien pubbliku b’opportunità ta’ ftuħ u spazju liberu għal kulħadd. Nemmen li dan huwa eżempju ċar kif il-kunsilli tagħna jaqbdu żoni, m’hemmx bżonn ikunu kbar ħafna, iżda żoni żgħar li jkunu mferxin fil-komunitajiet tagħna fejn b’investiment, xi kultant lanqas ikun investiment eċċessiv tista’ tagħmel xi ħaġa sabiħa, spazji miftuħa u spazji pubbliċi fl’aħħar mill-aħħar żoni sabiex tkun tista’ tirrikrea ruħek, kemm inti u kemm il-familja tiegħek.”