Bħalissa għaddejja kampanja ta’ għarfien mid-Dipartiment tal-Emerġenza, bil-għan li teduka aktar dwar il-ħidma li ssir f’dan id-Dipartiment kruċjali għall-Isptar Mater Dei u għall-pajjiż, u fl-istess ħin tħeġġeġ użu aktar bil-għaqal mill-pubbliku tal-istess Dipartiment.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Clinical Chairman tal-Emerġenza, Patrick Farrugia spjega aktar dwar il-ħsieb wara din il-kampanja.
Qal “L-iskop huwa biex ikun hemm tagħrif ta’ liema servizzi huma preżenti fuq il-gżira, mhux l-Emerġenza biss, biex il-pazjenti jkunu jistgħu jinqdew f’postijiet varjati u mhux fid-Dipartiment biss, jiġifieri b’hekk inħallu d-Dipartiment għal min l-iktar li għandu bżonn u jinqeda aħjar.”
Kuljum, id-Dipartiment tal-Emerġenza jara bejn mitejn u sebgħin, u tlieta mija u erbgħin pazjent. Madwar ħamsin minnhom, ikunu jistgħu jieħdu s-servizz minn x’imkien ieħor.
Fl-istess waqt, qed isiru bejn mija u ħamsin, u mija u sebgħin, vjaġġ bl-ambulanzi kuljum.
Fil-kuntest ta’ dawn iċ-ċifri, il-Clinical Chairman tal-Emerġenza fakkar kif il-pazjenti li jidħlu fid-Dipartiment li jmexxi, jingħataw l-attenzjoni medika skont l-urġenza tal-każ rispettiv.
Qal “Ma narawhomx min ġie l-ewwel ħa jinqeda l-ewwel, imma naraw dawk li, jew qegħdin fi stat gravi, jew inkella jistgħu jaslu fi stat gravi malajr, allura lil dawn in-nies nagħtuhom preċedenza, għalhekk isir triage. Għandna ħames kategoriji ta’ triage.”
Għalhekk qed issir din il-kampanja, biex dawk in-nies li jistgħu jieħdu l-istess servizz minn postijiet oħra, fosthom ċentri tas-saħħa jew kliniċi fil-komunità, jinqdew huma qabel, fl-istess waqt li r-riżorsi tal-Emerġenza jintużaw aħjar.
Qal “Aħna minn dawn in-nies kollha li jiġu l-Emerġenza, tmenin fil-mija ma jkunx rahom tabib qabel, jiġifieri jiġu mill-ewwel hawnhekk. Li kieku jinqdew minn postijiet oħra u jiġu hawnhekk biss dawk il-pazjenti li ħa jibagħthom it-tabib tagħhom jew li vera għandhom bżonn, ovvjament, ir-riżorsa li għandna ħa nużawha aħjar biex min għandu bżonn, jinqeda qabel u f’qasir żmien.”