Il-Ħadd filgħodu, aktar minn tlett elef tifel u tifla nġabru id f’id f’Għajn Tuffieħa biex flimkien jiċċelebraw Festa Scouts.
Din il-festa rat iktar minn tletin grupp tal-iscouts minn lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex, li tellgħu attivitajiet differenti.
Festa Scouts mhux biss inkwadrat l-ispirtu tal-moviment tal-iscouts li dejjem jistinka u jinvolvi lill-membri f’attivitajiet biex isaħħu l-karattru tagħhom, imma wkoll iċċelebrat il-mija u ħmistax-il anniversarju minn meta twaqqfet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-iScouts.
L-organizzatur Sean Bartolo tana togħma żgħira ta’ dak li jirrappreżenta dan l-avveniment.
Qal “Illum qed niċċelebraw festa scouts li hija attività li ssir kull tant żmien mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-iscouts fejn diversi gruppi minn madwar Malta u Għawdex jinġabru hawnhekk ġewwa Għajn Tuffieħa, nikkampjaw ilna hawnhekk mill-Ġimgħa u llum ftaħna għall-pubbliku biex jingħaqdu magħna u jesperjenzaw avventura tal-iscouts. Ukoll din is-sena qed niċċelebraw 115 years minn meta twaqfet l-assoċjazzjoni allura din hija edizzjoni speċjali fejn fiha qed niċċelebraw din il-milestone.”
ONE News segwa l-ftuħ qabel jum mimli attivitajiet, b’kull scout involut ingħata premju għall-parteċipazzjoni.
Waqt li kienu għaddejjin b’xi sport jew ostaklu, numru ta’ tfal tkellmu magħna u qalulna x’se jagħmlu f’din il-ġurnata tant eċitanti għalihom.
It-tfal li l-età tagħhom tibda minn ħames snin ’il fuq, bi tbissima fuq fommhom tawna r-raġuni għaliex iħobbu jmorru l-iscouts u xi tfisser għalihom li jagħmlu parti minn grupp; bl-iskop ewlieni tagħhom dejjem ikun li jaħdmu bħala tim.