Il-Prim Ministru ħabbar li għaddejjin diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali favur żieda fil-paga minima nazzjonali.
Dan kien żvelat waqt intervista mill-preżentatur Manoel Micallef fuq diversi temi, inkluż il-paga minima nazzjonali fid-dawl tal-pressjonijiet inflazzjonarji fil-kuntest internazzjonali.
Qal “Dwar il-paga minima nazzjonali, iva trid tiżdied il-paga minima nazzjonali. Għaddejjin f’diskussjonijiet anki mal-imsieħba soċjali biex ikun hemm reviżjoni ta’ din il-paga minima nazzjonali ‘l fuq naturalment. Fiduċjuż li b’dawk id-diskussjonijiet iwasslu għal eżitu li jkun wieħed sodisfaċenti u li nkunu eventwalment nistgħu nħabbruh.”
Il-Prim Ministru għamel din id-dikjarazzjoni ġiet ftit jiem qabel jitħabbat il-Baġit għas-sena d-dieħla li wkoll tkellem dwaru l-Prim Ministru fl-istess intervista.
Dan hekk kif Dr Abela sostna li l-baġit li jmiss se jkun qed jieħu l-pajjiż għas-snin li ġejjin imsejjes fuq il-qasam soċjali, li se jkun qed iwieżen lis-setturi kollha tas-soċjetà. Abela stqarr li għalhekk il-baġit espansjonarju li se jkun wieħed strateġiku li joffri direzzjoni ‘il quddiem.
Qal “Dan se jkun baġit ieħor li se juri li se nagħtu stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-prinċipju se jkun illi l-piż jerfgħu il-Gvern, in-negozji nħalluhom jibqgħu mexjin ‘il quddiem ikabbru l-kejk ekonomiku tal-pajjiż. In-nies nibqgħu niggarantulhom xogħol ta’ kwalità u niggarantulhom ukoll illi l-aspirazzjonijiet ta’ ħajjithom se jitwettqu u dan il-baġit se jkun dik l-għodda li tiffaċilita dan it-twettiqa ta’ dawn l-aspirazzjonijiet.”
Dwar l-inflazzjoni, Dr Abela nnota kif il-pressjonijiet ikunu l-ikbar fuq min jiflaħ l-inqas. Għaldaqstant, apparti l-miżuri li diġà ħa l-Gvern f’dan ir-rigward, Abela tkellem dwar pressjonijiet ta’ inflazzjoni li huma artifiċjali, fejn jista’ jagħti l-każ li xi negozji jipprofittaw mis-sitwazzjoni. Hawn il-Prim Ministru sostna li dan m’għandux ikun il-każ, b’mod partikolari fis-setturi tal-ikel u tal-mediċina.
Madanakollu, tenna li dan ma jfissirx li l-Gvern huwa kontra n-negozji.
Qal “Għadna nappoġġjaw sal-lum in-negozji u se nibgħu nappoġġjaw lin-negozji imma fejn hemm element ta’ qliegħ żejjed a scapitu minn fuq dahar il-poplu u partikolarment minn min jiflaħ l-iżjed, partikolarment minn fuq affarijiet essenzjali bħal mediċinali u prodotti bażiċi tal-ikel allura hemmhekk, le. Hemmhekk anki jiena l-kuxjenza tiegħi ma tħallinix noqgħod kwiet li ma nintervjenix u f’dak kollu li nista’ nagħmel nara li ejja ma nkunux aħna li nisparaw f’saqajna u dak kollu li għamel il-Gvern f’dawn l-aħħar xhur biex jgħin lin-negozji jkunu n-negozji li jirriċiprokaw b’xi element ta’ profiteering eċċessiv li jweġġa’ lill-poplu.”
Fl-istess intervista l-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna, li ntemmet il-Ħadd li għadda u li kellha numru ta’ workshops kkaraterizzati bi djalogu ħaj fost il-komunitajiet.
Qal “Il-workshops l-importanza tagħhom hija t-temi li ġew diskussi, il-kwalità tal-parteċipazzjoni li kien hemm, il-kwantità ta’ nies li attendewu hemmhekk fejn tara kemm aħna meta nibgħatu messaġġ b’saħħtu l-attiviżmu hemmhekk qiegħed u n-nies iridu jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, iridu jagħtu l-kontribut taghħom, il-fehmiet tagħhom dwar temi vajri u mela le, mela nħallu lil min jipprova jdaħħal politika tad-dwajjaq.”
Hawn il-Prim Ministru enfasizza l-fatt li issa dak li ġie diskuss fil-Konferenza Ġenerali irid jissarraf f’azzjonijiet konkreti li ġeddu l-viżjoni tal-Partit Laburista li se tkun qed twassal għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
B’rabta ma’ dan Dr Abela nnota li ż-żgħażagħ iridu jkunu fuq quddiem nett tal-politika tal-Partit Laburista filwaqt li ħeġġeġ għal aktar kandidatura żagħżugħa.