Mara ta’ sitta u ħamsin sena u raġel ta’ tlieta u sebgħin sena, it-tnejn Maltin, huma l-vittmi ta’ qtil doppju li seħħ il-Ħadd filgħodu f’razzett fl-inħawi ta’ Triq it-Tiġrija fil-Marsa.
Għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu, il-Pulizija kienu nfurmati li nqalgħet kommossjoni bejn numru ta’ persuni.
Il-Pulizija sabu lill-vittmi mixħuta mal-art f’kamra, mitlufa minn sensihom u bi ġrieħi kkawżati minn strument li jaqta’ u bil-ponta.
F’dan ir-razzett kien innutat ukoll li jgħixu xi persuni oħra.
Fuq il-post tad-delitt, il-Pulizija nnutaw persuna qed tipprova taħrab, u fil-fatt, irriżulta li kien l-allegat qattiel, li ġie arrestat minnufih.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-assistenza medika biex eventwalment jiġi interrogat mill-Pulizija ħalli tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.
F’kummenti lill-midja, il-kelliem għall-Korp tal-Pulizija, Brandon Pisani spjega li l-ewwel li waslu fuq il-post kienu l-uffiċjali mit-Taqsima tal-Kavallerija.
Qal“Mill-ewwel issejħet l-assistenza tal-Pulizija filwaqt li l-ewwel li waslu fuq il-post kienu l-Pulizija mit-Taqsima tal-Kavallerija li għandhom l-uffiċini eżatt faċċata, li malli semgħu l-kommossjoni, raw x’kien għaddej u kienu minn tal-ewwel li ġew fuq il-post.” 16
Tul l-investigazzjonijiet hemm numru ta’ xhieda oħra li mistennija jiġu mitkellma mill-Pulizija biex ikun hemm stampa aktar ċara ta’ x’ġara qabel seħħ id-delitt.
F’idejn il-Pulizija hemm ukoll l-arma li possibilment intużat fil-qtil.
Qal “Ukoll, f’idejn il-Pulizija għandna arma li possibilment hija l-arma li ntużat f’dan id-delitt. Nista’ nikkonferma li l-arma mhix arma tan-nar, iżda hija arma li x’aktarx intużat imma rridu nikkonfermaw eżatt għax għadha fuq il-post fejn hemm l-esperti tal-Qorti, imma nikkonfermaw li l-arma li x’aktarx intużat f’dan id-delitt, qiegħda fuq il-post u f’idejn il-Pulizija.”
F’dan l-argument kien hemm involuti wkoll żewġ persuni oħra li sfaw midruba mill-allegat aggressur, u li ttieħdu l-isptar għall-kura. Aktar tard, dawn ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi ħfief.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News minn fuq il-post, jirriżulta li l-koppja kienet tikri parti mill-istallel fir-razzett, biex fihom jorqdu xi immigranti.
L-allegat aggressur huwa mifhum li kien wieħed mill-immigranti li kien jirrisjedi għandhom.
Fuq il-post iddominat preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-Pulizija, inkluż mill-Iskwadra tal-Omiċidji u r-Reati Maġġuri.
Kien hemm ukoll membri tal-Forensika, inkluż it-tabib forensiku Dr Mario Scerri.
Dwar il-każ inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.