Raġel ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, sofra ġrieħi serji wara li waqa’ madwar sular waqt li kien qiegħed jaħdem f’lukanda.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, f’Dawret il-Qawra, San Pawl il-Baħar. Fuq il-post il-ħaddiem ingħata l-għajnuna minn tim mediku u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.