Pajjiżna baqa’ jgawdi mill-aħjar rating li qatt ingħata mill-aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, id-DBRS Morningstar.
Dan hekk kif fl-aħħar rapport tagħha, għal darb’oħra kkonfermat ir-rating ta’ A (High) stabbli, għal pajjiżna. Mill-ġdid ċertifikat mill-aqwa għall-ekonomija Maltija.
L-esperti ta’ din l-agenzija sostnew li l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija kien b’saħħtu u aqwa minn dak f’pajjiżi Ewropej. Dan filwaqt li d-deċizjoni li jinżammu l-prezzijiet tal-enerġija u fjuwil stabbli naqqsu mill-effetti ekonomiċi tal-gwerra fl-Ukrajna.
Filwaqt li l-esperti tad-DBRS Morningstar innutaw li dan qed iwassal għal defiċit akbar minn dak ta’ pajjiżi oħra, r-riskji ta’ dan huma baxxi minħabba l-livell baxx tad-dejn nazzjonali kif ukoll il-dinamiżu tal-ekonomija Maltija.
Fil-fatt, skont l-esperti indipendenti tad-DBRS, pajjiżna rreġistra rkupru b’saħħtu li jħabbatha mal-aktar spediti fl-Unjoni Ewropea.
Dan kien attribwit għall-politika tal-Gvern, speċjalment il-miżuri ta’ sostenn fiskali u l-politika ta’ prezzijiet stabbli tal-enerġija.
Fl-istess waqt, l-esperti barranin qed ibassru li minkejja l-kundizzjonijiet internazzjonali li qed jeħżienu, l-ekonomija Maltija se tibqa tikber.
Dan minħabba li l-għoli tal-ħajja mistenni jonqos, kif ukoll għax se jkun hemm impatt positiv mill-użu ta’ fondi Ewropej.
L-esperti indipendenti tad-DBRS jiddeskrivu wkoll it-tkabbir li ra s-suq tax-xogħol f’pajjiżna fl-aħħar 3 snin bħala ‘remarkable.’
B’rabta mal-finanzi pubbiċi ta’ pajjiżna, l-agenzija ta’ kreditu tinnota kif il-Gvern qed jimmira li jnaqqas id-defiċit taħt it-3% sal-2027. Dan filwaqt li fuq medda ta’ sentejn id-defiċit se jkun tnaqqas kważi bin-nofs għal 4.5% minkejja s-sostenn qawwi li qed jagħti l-Gvern biex jiġu protetti l-familji u negozji mix-xokk taż-żieda fil-prezz tal-enerġija.
Filwaqt li min naħa l-Oppożizzjoni takkuża lill-Gvern li għabba lil pajjiż b’dejn mhux sostennibli, ir-rapport tad-DBRS jgħid li l-proporzjon tad-dejn huwa inqas minn dak antiċipat qabel.
Dan minħabba tkabbir reali u l-inflazzjoni biex b’hekk jibqa’ sew taħt is-60% tal-prodott gross domestiku hekk kif stabbilit fit-trattat ta’ Maastricht.
Fil-fatt, id-DBRS Morningstar tiddeskrivi l-livell tad-dejn bħala moderat u li jagħti spażju għall-għajnuna fiskali f’każ ta’ xokkijiet ekonomiċi ġodda.
L-esperti tad-DBRS jikkonkludu wkoll li Malta għamlet progress sinifikanti biex ittejjeb il-governanza u l-istrutturi istituzzjonali fl-aħħar snin.
Dan filwaqt li jgħidu li huma jemmnu li l-Prim Ministru Dr Robert Abela jiggarantixxi kontinwità fejn jidħol titjib tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Fil-fatt, b’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela afferma dak li kkonkludew l-esperti tad-DBRS Morningstar hekk kif irrimarka li din l-amministrazzjoni se tkompli bil-politika tagħha ta’ kontinwità filwaqt li twettaq aktar riformi istituzzjonali.
“Malta’s growth prospects remain solid” says international credit agency DBRS Morningstar while reaffirming our A (high) rating and rightly concluding that this administration will deliver policy continuity and more institutional reforms. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 14, 2023