Waqt l-indirizz tiegħu fil-konferenza “After the European Parliament’s resolution on Island regions: what’s next?”, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri insista fuq l-importanza li jiġu identifikati l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw gżejjer bħal Għawdex kif ukoll fuq il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet lil hinn minn one-size-fits-all sabiex il-gżejjer fl-Unjoni Ewropea verament ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem.
Waqt din il-konferenza, li ttellgħet bħala parti mill-21 edizzjoni tal-European Week of Regions and Cities bejn id-9 u t-12 ta’ Ottubru fi Brussell, ġew diskussi ideat u soluzzjonijiet sabiex tissawwar l-istrateġija tal-Ewropa immirata lejn il-gżejjer.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri semma fost l-oħrajn it-titjib fl-aċċessibbiltà li sar f’Għawdex fosthom permezz ta’ żieda fil-vjaġġi, ir-raba’ vapur u s-servizz tal-Fast Ferry filwaqt li fakkar fuq il-ħidma li qed issir biex ikun hemm ukoll airlink mhux biss bejn Għawdex u Malta iżda wkoll ma’ gżejjer oħra Mediterranji. Il-Ministru Camilleri spjega li dan kollu mhux biss itejjeb il-konnettività għall-Għawdxin imma wkoll għat-turisti li jżuru lil Għawdex. Huwa semma wkoll l-istrateġija li tnediet għal Għawdex għall-10 snin li ġejjin mill-Awtorità Reġjonali għal Għawdex kif ukoll il-proġett ambizzjuż tal-Victoria Park fir-Rabat.
“Dawn huma biss ftit eżempji ta’ kif bħala gżira f’Għawdex qegħdin naħdmu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini tagħna u biex intaffu r-restrizzjonijiet li niffaċċjaw. Huwa importanti li l-Kummissjoni tiddedika aktar riżorsi u attenzjoni għall-bżonnijiet tal-gżejjer. Għandhom jiġu żviluppati politiki u programmi ewlenin biex jiżguraw żvilupp u progress sostenibbli u rridu nibqgħu nħarsu ’l quddiem, u naħdmu biex nindirizzaw l-isfidi ta’ għada li fuq kollox isawru l-futur tagħna,” tenna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru qal li r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew “EU islands and cohesion policy: current situation and future challenges”, li ġiet diskussa waqt din il-konferenza u li tidentifika s-sitwazzjoni u l-isfidi futuri tal-gżejjer, għandha tkompli tappoġġja politiki ċċentrati fuq il-gżejjer ibbażati fuq il-karatteristiċi partikolari tagħhom. Huwa sostna li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiddedika aktar riżorsi għall-ħtiġijiet tal-gżejjer u tiżviluppa politiki u programmi ewlenin biex tiżgura żvilupp u progress sostenibbli.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li għal dan il-għan il-Kummissjoni Ewropea għandha tanalizza l-partikolaritajiet tal-gżejjer fir-rapport li jmiss dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali.