L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, wieħed mill-perċimes fl-establishment, li llum jiddomina lill-Partit Nazzjonalista, qiegħed jaġixxi bħala avukat difensur ta’ eks-Spettur, li fl-imgħoddi suppost kien qed jinvestiga lilu stess.
Żvela dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, f’diskors twil fil-Parlament fl-aħħar jiem fejn ittratta, fost l-oħrajn, kif il-kritika tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’mod partikolari dik mill-Kelliem Ewlieni għall-Ġustizzja, Karol Aquilina.
Dr Attard tenna li, dwar is-settur ġudizzjarju wkoll, il-Partit Nazzjonalista jkun selettiv f’diskorsu u jsemmi biss dak li jaqbillu. Hu sejħilha l-politika à la carte tal-Oppożizzjoni.
Kien hawnhekk li l-Ministru Attard semma kif sieħeb l-istess Aquilina, l-eks Deputat Jason Azzopardi kiser l-etika kollha, iżda l-Oppożizzjoni u l-affiljati tagħha għalqu għajnejhom għal dan, sempliċiment għax jużaw kejl differenti, li jikxifhom ta’ ipokriti li huma.
Waqt li indirizza direttament lid-Deputat Karol Aquilina u rrefera għall-akkużi li qed jiffaċċja llum il-ġurnata fil-Qorti l-eks Spettur Jonathan Ferris, il-Ministru għall-Ġustizzja tenna hekk: “Imma għalih konvenjenti jiġi hawnhekk jattakka, joħroġ stqarrija, milli jieħu azzjoni. Dik id-differenza u daqstant ieħor selettiv fil-kritika fuq is-suġġett, għax fl-aħħar jiem kien hemm diskussjoni pubblika fuq il-fatt li kemm il-kelliema tal-Oppożizzjoni u sħabu li jipprietkaw fuq is-saltna tad-dritt, kemm ma jgħidu xejn fuq il-fatt li sieħbu, Jason Azzopardi spiċċa jiddefendi eks Spettur, li suppost, fiż-żmien, kien qed jinvestigah.”
Jason Azzopardi qed jidher bħala difiża għal Ferris, li kien jaħdem fit-taqsima tal-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU, fil-kawża kriminali fejn qed jiġi akkużat li ta xhieda falza taħt ġurament.
Dan fl-inkjesta maġisterjali fil-każ Egrant, meqjus bħala l-akbar gidba fl-istorja politika riċenti.