Ix-xogħol fil-pajjiżi żviluppati kiber għal livelli rekord ta’ aktar minn 70% fit-tieni kwart ta’ din is-sena, minkejja l-pressjonijiet ta’ inflazzjoni għolja u rati ta’ interess li qed jikbru.
Dan joħroġ minn ċifri, li għadhom kemm ġew ippubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-OECD, li ħabbret kif is-sehem tal-popolazzjonijiet fl-etajiet tax-xogħol fis-suq tax-xogħol fit-38 pajjiż membru tagħha laħqu l-livell ta’ 73.7%.
Il-livell ta’ aktar minn 70% fil-pajjiżi tal-OECD kien ilu ma jintlaħaq sa mill-2005.
Malta, li qed taspira li ssir membru tal-OECD, għandha rata ta’ xogħol ta’ ftit inqas minn 79%, jiġifieri aktar minn ħamsa fil-mija minn din il-medja li qed tiġi rrapportata mill-istess organizzazzjoni internazzjonali bbażata f’Pariġi.
Skont iċ-ċifri ppubblikati mill-OECD, il-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol fost l-irġiel u n-nisa wkoll laħqet rekord li l-organizzazzjoni kienet ilha ma tara mill-2008.
F’pajjiżna, fejn il-qgħad jinsab fl-inqas livelli storiċi tiegħu, 85% tal-irġiel u 71.7% tan-nisa fl-età tax-xogħol jinsabu f’impjieg, ferm aħjar minn ta’ pajjiżi oħrajn meqjusin żviluppati.