Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-Iskola Primarja ta’ San Nikola fir-Rabat.
Skola Primarja li minnha se jgawdu 400 student, hekk kif bdew is-sena skolastika fi klassijiet u faċilitajiet ġodda tal-ogħla kwalità, b’investiment li jiżboq it-€3.5 miljun.
B’din l-iskola issa jfisser li, f’sena waħda biss, l-istudenti Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin jingħataw l-edukazzjoni tagħhom fi tliet skejjel ġodda.
Waqt żjara li għamel fl-iskola, il-Prim Ministru nnota l-ambjent mill-isbaħ u attrezzat b’dak kollu meħtieġ li fih dawn l-istudenti qegħdin jingħataw l-edukazzjoni tagħhom. Aspett komuni, li għandhom dawn l-iskejjel ġodda, fi kliem il-Prim Ministru, hu li mhumiex biss post ta’ tagħlim formali, imma huma spazji li jsaħħu l-ħiliet ta’ dawk it-tfal li t-talenti tagħhom jimirħu ’l bogħod mill-kurrikulu.
Filfatt, l-Iskola fir-Rabat, tinkludi fost oħrajn, klassijiet għall-arti u l-mużika, multi-sensory room, indoor gym u r-riżorsi kollha li jħejju l-istudenti għall-avvanzi diġitali.
Fid-diskors tiegħu, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru sostna li s-sena d-dieħla se tkun qed tara t-twettiq ta’ aktar proġetti ta’ dan it-tip.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-edukazzjoni bħala l-pedament li fuqu wlied pajjiżna jibnu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom biex jaħsdu l-opportunitajiet li toffri Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, saħaq li dan l-investiment fir-Rabat qed jissarraf fi skola tal-ogħla livell li qed tagħmilha possibbli biex topera minn binja waħda mgħammra b’dak kollu meħtieġ. Hu tenna li, bi proġetti bħal dawn, qegħdin nirriġeneraw is-settur edukattiv. L-investiment fil-qasam edukattiv hu bla preċedent.
Sadanittant, il-Prim Ministru kellu wkoll diskussjoni mal-istudenti tas-Sitt Sena fuq bosta temi, fosthom fuq il-ġid fil-komunità, l-ambjent u l-aspirazzjonijiet tagħhom.