It-Times of Malta rrapportat li David Casa assigura dibattitu dwar Malta fil-Parlament Ewropew. Dan f’mossa oħra mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista biex fil-Parlament Ewropew joħloq diskussjoni kontra pajjiżna.
Casa, u bħalu Roberta Metsola, huma magħrufin għal kif jattakkaw lil Malta f’kull okkażjoni li jkollhom, filwaqt li jiddefendu pajjiżi oħrajn, li għandhom tmexxija tal-popolari Ewropej, anke meta dawn ikunu akkużati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u korruzzjoni.
Issa jingħad li Casa, li hu ħabib tal-eks Membru Parlamentari Taljana Lara Comi, li għadha kemm ġiet ikkundannata iżjed minn erba’ snin ħabs fuq korruzzjoni istituzzjonalizzata ta’ nofs miljun ewro b’fondi Ewropej, irid jiddiskuti l-impunità f’Malta u fil-Parlament Ewropew se jkun hemm ukoll riżoluzzjoni.
David Casa ma naqasx mill-attakki tiegħu lejn il-Prim Ministru u gideb fid-dikjarazzjonijiet tiegħu meta rrefera għal każi li kienu fid-diskussjoni pubblika u qal li nżammu moħbijin. Dan meta rrefera għal każi li jew kienu rrapportati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess jew saħansitra dwarhom hemm każi fil-Qorti.
Din mhux l-ewwel darba, fl-aħħar jiem, li Casa ħareġ b’attakk kontra Malta.
F’ġurnata li Malta kienet fiċ-ċentru tal-attenzjoni internazzjonali minħabba avvenimenti importanti li kienu qed jiġu organizzati f’pajjiżna hu kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Lejlet iż-żjara tal-ogħla uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa kien kiteb lill-istess President tal-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jxekkel l-akbar pakkett finanzjarju li rnexxielu jikseb pajjiżna mill-Unjoni Ewropea.