Malta qed tospita għal ewwel darba l-Kungress Ewropew Annwali tal-FENCA – Federation of European National Collection Associations, avveniment li jikkoinċidi wkoll mat-30 sena anniversarju mill-ħolqien tal-federazzjoni.
Permezz tat-23 assoċjazzjoni membru nazzjonali, il-FENCA jirrappreżentaw 75% tal-kumpaniji kollha tal-immaniġġjar tal-kreditu, il-ġbir tad-dejn u x-xiri tad-dejn fl-Ewropa u għandhom 80% tas-sehem tas-suq fl-Unjoni Ewropea, b’aktar minn 80,000 ħaddiem li jipprovdu servizzi għal aktar minn ħames miljun negozju, inklużi SMEs, banek Ewropej u barranin, kif ukoll is-settur pubbliku madwar l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard indirizza l-ftuħ tal-konferenza fejn tenna li fi snin riċenti l-Gvern implimenta diversi riformi biex isaħħaħ il-qafas leġiżlattiv li jirrigwardjaw il-ħidma tal-aġenziji tal-immaniġġjar tal-kreditu u l-aġenziji li jiġbru d-dejn. Huwa kompla jgħid kif il-Gvern qiegħed jaħdem biex tkun stabbilita Qorti Kummerċjali speċjalizzata, li titratta fost l-oħrajn materji ta’ insolvenza u kreditu. F’dan ir-rigward semma kif l-aħħar sejħa għal 3 Imħallfin, se tkun qed toffri l-opportunità li jkollna 2 Imħallfin li jiġu assenjati mill-Prim Imħallef b’kawżi fis-settur kummerċjali.
Il-Ministru Attard kompla jgħid kif bl-għan li jkollna standards għola u b’konformità mal-liġijiet Ewropew, ġew trasposti u implimentati l-Insolvency Directive, il-Consumer Credit Directive u l-Late Payment Directive, fost numru ta’ miżuri oħrajn. Filwaqt li għaddejja ħidma biex tkun aġġornata s-sistema tan-notifiki tal-Qorti speċjalment dawk li jittrattaw il-mandati u mandati kawtelatorji u dan flimkien ma’ investiment bla preċedent fid-diġitalizzazzjoni, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza
Għal din il-konferenza qed jattendu madwar 200 delegat mill-Unjoni Ewropea, l-Afrika ta’ Fuq, l-Istati Uniti u l-Asja. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Federazzjoni Claus Spedtsberg u diversi kelliema oħra.