Il-Ħamis filgħodu ġiet imnedija għodda ġdida dwar kif isir l-assessjar ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika wara ħidma konġunta bejn l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, Aġenżija Sapport u l-Università Amerikana tal-Infermerija John Hopkins.
Fil-fatt kienet id-delegazzjoni amerikana li ħadmet mal-entitajiet Maltin hekk kif f’konferenza tal-aħbarijiet ġiet ippreżentata l-ħidma li kienet xprunata minn riċerka li saret fl-Istati Uniti li tmur lura għexieren ta’ snin u li issa ġiet addottata wkoll f’pajjiżna.
B’hekk il-metodu ta’ assessjar se jkun qiegħed jimxi minn dak magħruf bħala DASH għal dak imsejaħ Danger Assessment. B’hekk permezz ta’ sett ta’ mistoqsijiet riveduti u aġġornati li jsiru lill-vittmi, jiġu ndirizzati l-każijiet ta’ vjolenza domestika.
Aktar dwar dan tkellmet iċ-Chairperson tal-Bord tal-Multi Agency Risk Assessment Meeting (MARAM), Ruth Sciberras li spjegat xi jfisser dan it-tibdil, b’mod partikolari, kif din l-għodda għandha diversi vantaġġi fuq dak li kien jintuża qabel.
“Tfisser ukoll li dan l-għodda li issa ħa nibdew nużaw huwa l-aktar sod fil-validità tiegħu u huwa xjentifikament pruvat li fejn jidħol femiċidju u omiċidju ikun hemm anki nuqqas ta’ dan il-fenomenu.”
Ruth Sciberras – Chairperson tal-Bord tal-Multi Agency Risk Assessment Meeting (MARAM)
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie nnutat kif minkejja li kien hawn numru ta’ rġiel li wkoll sfaw vittmi ta’ vjolenza domestika madwar id-dinja, is-sess femminili minn dejjem kien aktar espost għal din it-tip ta’ vjolenza.
Din il-kollaborazzjoni ssarfet ukoll f’taħriġ ta’ aktar minn mitejn professjonist lokali biex ikunu jistgħu jindirizzaw aħjar l-isfidi li ġġib magħha l-vjolenza domestika u li dwara tkellmet il-Professur fl-Università Amerikana John Hopkins, Jacquelyn Campbell.
“The training was about the Danger Assessment, how it came to be, the validation part but also, most importantly how to ask the question and then, how to score it and how to convey the message to the victim. It is victim centred.”
Jacquelyn Campbell – Professur
Il-Ministru Michael Falzon, stqarr li b’mod sfortunat il-vjolenza domestika hija pjaga f’kull soċjetà. Filwaqt li nnota kif din l-għodda ma tagħtix garanzija li se tkun eradikata l-vjolenza domestika, se tkun pass importanti biex din l-isfida tkun indirizzata b’metodi aħjar.
“Imma għandna d-dover li naraw illi neliminaw kemm nistgħu minn dak li huwa l-abbuż domestiku. Din l-għodda l-ġdida nemmen li ħa tgħinna f’dik it-triq. Inkomplu naħdmu u nagħmluha ċara li għalina mhux tolerabbli l-ebda vjolenza wisq anqas il-vjolenza domestika.”
Michael Falzon – Ministru