Id-deputat Nazzjonalista, Justin Schembri, kien imġiegħel iħassar kummenti li kiteb ‘online’. Dan wara li bħal dejjem kien pront joħroġ jattakka l-gvern u l-implimentazzjoni tal-wiegħda li jekk il-poplu jagħżel Viċi-Sindku jew Sindku ta’ sittax jew sbatax-il sena, dik l-għażla tal-poplu tkun irrispettata.
Schembri kien pront jikteb li din “l-aktar ħaġa bla sens li setgħet issir.”
Iżda, wara ftit dan il-kumment ma baqax jinstab għaliex Schembri kien imġiegħel iħassru mill-istamperija. Dan għax f’dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Kunsilli Lokali saret l-istess proposta.
Imbarazzat b’dak li kien imgiegħel jagħmel Justin Schembri ma kkummentax meta mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti tal-Maltatoday. Qalilhom biex ikellmu deputat ieħor tal-Partit Nazzjonalista, il-kelliem għal Kunsilli Lokali Darren Carabott.
Din mhux l-ewwel darba fl-aħħar ġimgħat li kelliema tal-Partit Nazzjonalista jew ma kinux jafu l-fatti bażiċi, jew inkella lanqas kienu jafu dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista nnifsu.
Saħansitra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu ta informazzjoni ħażina għal bosta drabi meta intervista minn ONE News fil-festi tal-Indipendenza, fost oħrajn dwar il-prezz tal fuel kif ukoll dwar il-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista.