Il-belt Palestinjana ta’ Gaza spiċċat bla dawl, wara li l-unika power station li hemm fiha spiċċat mingħajr fuel.
Dan konsegwenza tal-ġlied li għaddej fil-Lvant Nofsani li issa wassal biex din il-belt sħiħa tinsab mingħajr aċċess għall-internet, l-elettriku u l-ilma.
Sadanittant, il-konflitt fil-Lvant Nofsani kompla jintensifika, hekk kif komplew l-attakki, li ħallew mijiet ta’ persuni bla ħajja.
Skont l-aħħar informazzjoni mill-Ministeru għas-Saħħa Palestinjan ħareġ li n-numru ta’ persuni mejta f’Gaza tela’ għal aktar minn elf persuna, waqt li aktar minn ħamest elef persuna huma midruba.
Intqal li kważi 60% tal-persuni mweġġgħin f’Gaza huma nisa u tfal.
Mal-midja internazzjonali, tabib fl-isptar ta’ Gaza qal li kullimkien hemm riħa ta’ mewt u tenna li l-katavri qed jaslu f’biċċiet.
F’Iżrael, il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu u l-kap tal-Oppożizzjoni Benny Gantz qablu li jifformaw Gvern ta’ Emerġenza għal waqt il-gwerra. Aktar tard mistenni jiġi fformat ukoll kabinett tal-gwerra.
F’Iżrael, l-ammont ta’ persuni li tilfu ħajjithom hu ta’ aktar minn elf u mitejn persuna.
Din il-gwerra qed tkun meqjusa bħala l-aktar imdemmi fl-aħħar ħamsa u sebgħin sena.