Donnu din hija l-ġimgħa tal-konfermi iswed fuq l-abjad dwar kemm pajjiżna huwa b’saħħtu u miexi ‘l quddiem. Fl-aħħar minuti l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat analiżi ta’ 48 paġna dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna u diversi oqsma.
Fih mhux biss reġa’ kien ikkonfermat kif Malta għandha tkabbir ekonomiku straordinarju u kif kien hemm titjib fil-finanzi pubbliċi, iżda jinnotaw aspetti oħra.
Fost oħrajn jingħad kif ir-riskji tal-faqar u l-ekslużjoni soċjali qegħdin jonqsu għalkemm jibqgħu ta’ sfida għat-tfal, l-anzjani u dawk b’ħiliet baxxi.
“Malta qed tindirizza l-isfidi soċjali u ssaħħaħ il-politika tagħha għal inklużjoni attiva,” jgħid ir-rapport li jinnota kif riformi riċenti tejbu wkoll is-sistemi ta’ benefiċċju.
Ir-rapport jinnota l-progress qawwi biex Malta jkollha provvistà iktar imħallta tal-enerġija u kien hemm titjib ukoll fl-ambjent għan-negozju. Kien innotat ukoll kif l-awtoritajiet Maltin ħadu għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw l-isfidi tal-pensjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea tinkludi wkoll paragrafi sħaħ biex tanalizza u tfaħħar inizjattivi maħsuba biex jinċentivaw ix-xogħol. Fosthom is-sistema ta’ child care b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji u l-inwork benefit.
Ir-rapport iħares ukoll lejn l-aspett tal-ġustizzja fejn jintqal li tjiebet ir-rata li biha jinqatgħu l-kawżi u l-kawżi pendenti niżlu taħt l-10,000 għall-ewwel darba.