L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni li saret biex jinbena moll u tliet bagi f’bajja pubblika qrib il-klabb tal-boċċi f’Buġibba.
Dan wara li l-Bord tal-Ippjanar ivvota kontra dan il-proġett, li kien qed jiġi propost minn sid ta’ restorant bil-għan li l-klijenti tiegħu jkunu jistgħu jorbtu miegħu.
Din l-applikazzjoni sabet l-oġġezzjoni ta’ bosta residenti u għaqdiet mhux governattivi li stqarru li m’għandux ikun approvat minħabba li ż-żona hi waħda ta’ konservazzjoni u ta’ Natura 2000.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, li kien preżenti għad-deċiżjoni qal li din il-bajja kienet ilha tintuża mill-pubbliku għal snin twal.