Srdan Stevanovic, Serb ta’ 42 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li ammetta li hedded lill-ġirien u lill-uffiċjali tal-pulizija li marru fuq il-post wara li ntalbet l-għajnuna tagħhom.
Is-Serb kien akkużat wkoll li kellu armi fl-appartament fejn kien jgħix, li ma kienx qed jieħu ħsieb lill-annimali f’daru kif jixraq u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’każ ieħor.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija rċeviet rapport li kien hemm raġel qed jargumenta u jhedded lin-nies u li anke kkawża ħsarat fuq xi karozzi. Meta l-Pulizija ħabtet fuq il-bieb tar-residenza tas-Serb, hu fetħilhom b’sikkina f’idu.
Kawża t’hekk, il-Pulizija daħlu f’appartament ieħor fejn wara li ngħataw l-ordni biex jidħlu fuq l-akkużat, sabu lis-Serb b’senter immirat lejhom fejn qalilhom “Today I die and I will kill you all”.
Il-pulizija damu mas-sitt sigħat f’negozjati mas-Serb sakemm eventwalment ċeda f’idejhom.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha u anke rat il-fatti li l-akkużat kellu problema tad-droga, il-Maġistrat Marsanne Farrugia kkundannat lill-akkużat ħames snin ħabs u ġie mmultat ukoll ħmistax-il elf ewro.