Villa Portelli fil-Kalkara se tkun tista’ tibda titgawda mill-pubbliku hekk kif se tiftaħ il-bibien tagħha fi tmiem din il-ġimgħa.
F’open weekend bejn l-14 u l-15 ta’ Ottubru, il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara mill-qrib din ir-residenza li dan l-aħħar kien qed isirilha restawr u konservazzjoni tal-artifatti tagħha.
Mifruxa fuq erba’ tomniet, Villa Portelli, hi parti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna fejn, fl-imgħoddi, kienet isservi bħala residenza għal persunaġġi influwenti fi żmien il-ħakma Ingliża.
Ladarba tkun kompletament irrestawrata, din se toffri esperjenza multi-sensorjali fis-swali tagħha, kif ukoll spazju fejn wieħed joqgħod għall-kwiet b’ħin ta’ rilassament permezz tal-ġonna sbieħ li jdawruha.
Fil-preżenza tas-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kellu kliem sabiħ għall-isforzi li qed tagħmel Heritage Malta biex dawn ir-rikkezzi f’pajjiżna jkunu jistgħu jitgawdew aħjar mill-Maltin.
Dr Bonnici semma li l-Gvern għaddej b’ħidma sfieqa biex ikun hemm aktar inizjattivi ta’ restawr ħalli jkollna aktar preservazzjoni u r-rijabilitazzjoni ta’ siti storiċi fuq bażi regolari, flimkien ma’ aktar spazji miftuħa li jitgawdew miċ-ċittadini.
Qal, “Waħda mill-missjonijiet tagħna hi li nagħtu aktar postijiet lill-familji tagħna fejn naqbdu proprjetajiet li qabel kienu magħluqa u jingħataw lura lill-pubbliku biex ikunu jistgħu jgawduhom. Hekk qed nagħmlu b’Villa Portelli fil-Kalkara.”
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li l-patrimonju li jasal għand Heritage Malta, bħal Villa Portelli, jrid jintgħarbel, jiġi interpretat u jingħata r-ruħ biex jgħix magħna llum.
Qal, “Parti mill-viżjoni ta’ Heritage Malta se tieħu l-ħajja. Ifisser li se nkunu qed niftħu s-siti tagħna għal aktar nies, imma mhux biss biex jaraw biss affarijiet antiki, imma anke biex jaraw affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-komunità, għandhom x’jaqsmu lokalità, mal-viżjoni kif irridu li jsiru s-siti tagħna.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-ftuħ għall-pubbliku ta’ Villa Portelli jixhed l-impenn tal-aġenzija biex tagħmel il-patrimonju nazzjonali aktar aċċessibbli għal kulħadd.