“Persuna tista’ tkun imdawra bin-nies il-ħin kollu u xorta tħossha waħedha.”
Hekk qalilna ‘Peter’, isem fittizju li tajna lil raġel li qasam l-esperjenza tiegħu magħna dwar sfidi ta’ saħħa mentali li ffaċċja tul ħajtu, u li xtaq jibqa’ anonimu, minħabba t-tabù li għadha reali ħafna fil-konfront ta’ persuni bħalu.
‘Peter’ ħadna lura għal meta kien għadu tifel fuq il-bankijiet tal-iskola, meta kien maħkum minn vuċi li kienet tikkontrollalu t-tfulija.
Qalilna li spiss kien jispiċċa jiċċassa f’solitudni, u minflok kien isib l-għajnuna, kien jiġi ġġudikat minn ta’ madwaru.
Qal“Fil-klassi dak iż-żmien kienu jgħiduli, jew imqareb jew kienet tintuża ħafna l-kelma mxajtan u ndannat. Kien ikun hemm istanzi fejn kienu jgħiduli ċċassat, għax kont inkun fil-post fiżikament, imma mentalment x’imkien ieħor.” 20
Din il-vuċi baqgħet tikkontrollalu ħajtu, anke meta kiber, fosthom fuq il-post tax-xogħol.
Qal“Tkun fuq il-post tax-xogħol normali, ikun hemm internal call għal pożizzjoni ogħla, fejn inti tkun ċert li tkun kapaċi tieħu dak ir-rwol, imma jkun hemm vuċi dejjem tgħidlek, isma’ tagħmlux dan il-pass, għax m’intix kapaċi.” 19
‘Peter’ spjegalna kif, fil-pandemija, l-ansjetà eskalat u nbidlet f’dipressjoni, u fejn qabel qatt ma ħass il-bżonn li jfittex l-għajnuna, beda jmur għat-terapija biex jitgħallem jikkontrolla l-emozzjonijiet li kienu qed jirkbuh.
Qal “Fi żmien il-COVID, għalkemm ma konniex total lockdown, l-awtoritajiet bdew jgħidulna biex nibqgħu ġewwa ovvjament. Jiena bejn l-erba’ ħitan, l-emozzjoni splodiet u l-ansjetà tiegħi splodiet fejn, imbagħad, hemmhekk indunajt li vera għandi bżonn l-għajnuna.” 19
Il-punt tat-tluq hu li wieħed jaċċetta li għandu problema u jfittex l-għajnuna għaliha.
Qal“Qiesek mort għand physiotherapist. Bħalma jagħtik tagħmel il-movimenti, għax għandek għonqok juġgħak, dan sempliċiment jiggwidak kif inti tittratta mas-sitwazzjoni u ma tħallix l-ansjetà tieħu over il-kontroll ta’ ġismek u ta’ moħħok.” 16
‘Peter’ qalilna li t-terapija ma tfissirx li kollox ħa jispiċċa mil-lum għal għada, imma s-sitwazzjoni tibda titjieb bil-mod.
Qal“Pereżempju, jien ġieli kelli drabi fejn ma kontx inkun irrid noħroġ minn ġos-sodda, ġranet sħaħ l-uniku serħan li nsib li noqgħod ġos-sodda. Mentri tibda tagħti lilek innifsek ir-rieda li, isma’, qum u kompli, għax hemm min iridlek il-ġid.”
Hu appella għall-attenzjoni fost it-tfal, għax jemmen li kieku l-problema tiegħu ġiet identifikata meta kien żgħir, kien jevita ħafna sofferenzi tul ħajtu.
L-istess appell għaddih għall-adulti, biex ma jħossuhomx iżolati fis-solitudni u jfittxu l-għajnuna.
Qal “Persuna waħedha tista’ tkun fi crowd, tista’ tkun f’familja, tista’ tkun imdawra bil-ħbieb, f’attivitajiet soċjali, u xorta tkun qed tħossha waħedha. Meta naraw nies li l-imġieba tagħhom tkun ta’ ħsieb, u bniedem forsi jiġi għajjien għax-xogħol jista’ jkun ma jkunx raqad il-lejl kollu, allura dak il-bniedem tajjeb li navviċinawh u nħeġġuh biex ifittex l-għajnuna.” 36