Is-seba’ Maltin, li għamlu kuntatt mal-Ambaxxata u wrew ix-xewqa li jitilqu minn Iżrael minħabba l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, qabdu titjiriet lejn l-Ewropa.
Dan ħareġ f’aġġornament mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fuq il-midja soċjali, fejn intqal ukoll li l-ebda Malti ma jinsab maqbud fit-territorji Palestinjani.
Sadanittant, waqt laqgħa Ministerjali konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Koperazzjoni tal-Golf, fl-Oman, il-Ministru Ian Borg tenna li Malta se tkompli tisħaq fuq il-paċi u temmen fil-koperazzjoni.
F’din il-laqgħa, il-Ministru Malti tkellem dwar dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani, bil-messaġġ li għadda fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li Malta tikkundanna l-attakki mill-Hamas li wassal għat-telf ta’ ħajja ta’ bosta nies innoċenti.
“Tkellimna dwar l-isfidi umanitarji u kif nistgħu ngħinu f’postijiet fejn hemm bżonn ta’ għajnuna umanitarja. Ovvjament fejn issemmew il-konflitti, dak li rajna dan l-aħħar f’Iżrael u Gaza, l-Ukranja, jekk mhux bħal pajjiżi oħrajn, bħall-Jemen, is-Sudan u s-Sirja, fost oħrajn.”
Sadanittant, fil-Lvant Nofsani, kompliet il-gwerra b’sigħat twal ta’ terrur.
Fl-aħħar sigħat, Iżrael spara aktar minn mitejn missila lejn Gaza, bi tpattija għal dak li għamel l-grupp militanti Hamas li s’issa ħalla mad-900 persuna mejta f’Iżrael.
Il-Prim Ministru Iżraeljan qal li se juża l-akbar forza biex il-Palestina tpatti għal dak li għamlet u li dan hu biss il-bidu.
Il-Ministru għas-Saħħa ta’ Gaza spjega li, b’konsegwenza ta’ dawn l-attakki, mietu aktar minn seba’ mija u ħamsin Palestinjan.
B’reazzjoni għal dan, il-Hamas hedded li toqtol diversi ostaġġi kull darba li Iżrael iwettaq attakk mill-ajru mingħajr ma jwissi liċ-ċivili.
Hu maħsub li l-Hamas ħataf u qed iżomm ostaġġi għexieren ta’ persuni, waqt li l-familji tagħhom iddisprati ma jafux x’sar minnhom.