In-negozji żgħar u medji f’pajjiżna mistennija jirċievu appoġġ sostanzjali li jammonta ta’ €16.5 miljun, li ġejjin minn fondi Ewropej. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej, wara sforz kollaborattiv bejn il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-istess Ministeru.
Intqal li din l-inizjattiva taqa’ taħt il-kappa ta’ InvestEU, il-programm tal-Kummissjoni Ewropea mfassal biex jattira investimenti ta’ mill-inqas tliet mija u tnejn sebgħin (€372) biljun ewro biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni Ewropea sal-2027.
Dan mistenni li jkollu impatt sinifikanti fuq in-negozji żgħar u medji Maltin billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Fondi Ewropej, Silvio Schembri, qal li n-negozji huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija u l-Gvern se jibqa’ jappoġġjahom, kif dejjem għamel f’dawn l-aħħar għaxar snin, u anke waqt sfidi internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li, bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, il-Gvern qed jantiċipa impatt pożittiv fuq ix-xenarju finanzjarju għal dawn in-negozji Maltin filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar qed irawwem żieda fl-innovazzjoni u l-ħolqien tax-xogħol fil-pajjiż.