Nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru li ġej fit-tlieta ta’ waranofsinhar, se ssir l-attività tal-Mixja mal-President b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-President George Vella, fejn intqal li din l-attività annwali se tkun qed tbiddel il-format tagħa.
Din il-mixja se tibda mill-Palazz Verdala fil-Buskett għall-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard u se tintemm fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta.
Ġie spjegat li wieħed jista’ jibda l-mixja tiegħu mill-bidu jiġifieri mill-Buskett jew inkella minn quddiem il-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard.
Intqal li se jkun qed jiġi provdut trasport mill-Belt Valletta għal postijiet minn fejn se tgħaddi din il-mixja.
Il-President ta’ Malta George Vella tkellem dwar kif attività bħal din tgħaqqad lill-poplu Malti flimkien, waqt li jkun hemm solidarjetà għal dawk nies li jkollhom bżonn l-għajnuna lejn il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Isports, Clifton Grima.
Wieħed jista’ japplika għal din l-attività fuq is-sit mccf.store.