Fis-seduta tat-Tnejn filgħaxija, il-Parlament sellem lill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras, eks Deputat Laburista fil-Parlament Malti.
F’erba’ kelmiet mirquma u tant umani, ġimgħa eżatt minn mewtu, il-Prim Ministru Robert Abela sellem lill-Imħallef Sciberras bħala missier ta’ familja li tant ħabb u ġentlom.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li Philip Sciberras kellu valuri b’saħħithom li ddistingwewh bħala għaref u fih spikkat l-irġulija.
Qal li l-liġi tal-qbiela kienet waħda partikolari li kien jaf fuq ponot subgħajh.
Il-Prim Ministru nnota l-aspett uman ta’ Sciberras.
Qal, “U hemmhekk kont nosserva tliet kwalitajiet fih: ir-rispett lejn l-avversarju, kemm kellu għarfien legali, kemm kien ċar li kellu l-element politiku ġo fih u kemm kien bniedem li jaf in-nies tat-triq.”
L-effiċjenza tal-ġudikant Sciberras kienet tema oħra li rrimarka għaliha l-Prim Ministru, tant li l-Imħallef Sciberras ma ħalliex kawżi pendenti warajh meta rtira.
Fuq kollox kien ħawtiel u ġust.
Qal, “Però jtik l-opportunita li tittratta u niftakar dak kien appell li eventwalment ġie deċiż favur kien il-klijent tiegħi għax tmur ippreparat u ħa jtik deċiżjoni ġusta u anke meta tkun fuq in-naħa telliefa toħroġ sodisfatt li miegħek saret ġustizzja għaliex ikollok sentenza mirquma li jispjega fejn jaqbel u ma jaqbilx mal-argumentazzjoni taż-żewġ naħat u jagħti mbagħad deċiżjoni li tagħmel ġustizzja maż-żewġ naħat.”
Filwaqt li ta l-kondoljanzi u nnota l-kitba mirquma ta’ Philip Sciberras mhux biss bħala avukat u Imħallef iżda anki bħala poeta, il-Prim Ministru sellem ukoll lill-għeżeż tiegħu.
Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar telefonata tiegħu mal-Imħallef Emeritu kienet waħda li ħarġet l-aspett uman ta’ Sciberras li baqa’ b’kuraġġ ta’ sur.
Ingħaqdu fil-kondoljanzi lejn il-familja Sciberras kien hemm ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u anki l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.