Xhieda kkonfermaw fil-Qorti kif b’intervent ta’ Tony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru ta’ Għawdex Giovanna Debono, sarilhom xogħol fi proprjetà tagħhom mingħajr ma ħallsu għalih. L-ewwel żewġ xhieda dalgħodu kellhom kwistjoni b’ħitan fl-għelieqi.
F’każ minnhom fl-għalqa biswit tax-xhud u f’ieħor fil-proprjetà tiegħu. Huma rrakkontaw dwar dan fil-Qorti billi wieġbu d-domandi tal-prosekuzzjoni u dawk tad-difiża, li minbarra li kienet iebsa xi kultant dehret rasha sħuna wkoll. Tant li f’ħin minnhom l-avukat difensur ta’ Tony Debono, Joe Giglio, qal li kellu joħroġ mill-awla għax ma setax jifhem għax il-prosekuzzjoni għażlet li ttella’ x-xhud.
Fl-ewwel każ ix-xhud qal li kien qed ikun hemm problemi fi triq privata tal-familja tiegħu u mar jirrapporta għand Tony Debono biex darba fost oħrajn sab lil Joe Cauchi, il-whistleblower fil-każ, jagħmillu x-xogħol. Dan qal li kien bagħtu Tony Debono. Fit-tieni każ ix-xhud għandu għalqa fl-Għarb u qal li kienu marru l-pulizija fuq il-post tax-xogħol tiegħu u qalulu li daħlilhom rapport li l-ħajt tal-għalqa tiegħu kien fi stat perikoluż. Xehed li tawh tliet ijiem biex jibnih.
“Ippanikjajt, ma kelliex żmien biex nagħmlu,” qal ix-xhud li tenna li għalhekk mar ikellem lil Tony Debono.
Tony Debono qal li kien se jkellem hu lill-pulizija biex jagħtuh iktar ċans u flimkien marru fuq il-post biex jaraw x’jista’ jsir. Bil-pulizija jaqblu li jingħata iktar żmien eventwalment Tony Debono qallu li se jaqlalu l-ħajt u jagħtih il-ġebel biex jibnih, għalkemm qallu li ħaddiema biex jerġa’ jibnih ma setax jagħtih. Biex jaqla’ l-ħajt Tony Debono hawn ukoll bagħat lil Joe Cauchi il-whistle blower fil-każ.
It-tielet xhud ikkonferma li hu ġieli qabbad lil Joseph Cauchi biex jaħdimlu.
Iżda, kien hemm drabi fejn talab lil Tony Debono biex jirranġalu l-pajsaġġ privat biex jgħaddi l-makkinarju tar-raba. Xogħol fuq ħames pajsaġġi privati sar minn Cauchi wara li bagħtu Debono u x-xhud ma ħallas xejn.
Debono, li kien imexxi d-dipartiment tax-xogħolijiet fil-Ministeru ta’ Għawdex qed jaffaċċja 13-il kap t’akkuża, fosthom miżappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Tul il-każ s’issa dejjem ħarġet is-saħħa li kellu fi żmien li martu kienet Ministru għal Għawdex. Joseph Cauchi, il-whistleblower f’dan il-każ, kien ilmenta li kellu jitħallas mal-ħamsin elf ewro ta’ xogħolijiet li kien għamel fil-privat, imqabbad minn Tony Debono.
Flus li baqa’ qatt ma ħa għajr għal €10,000 li għaddew wara li l-każ ħareġ fil-midja. Dwar dan il-każ il-whistleblower kien mar ikellem lill-Kap tal-Oppożizzjoni li l-uniku risposta li kellu kienet għaliex kompla bix-xogħol meta kien jaf li se jitilfu l-elezzjoni ġenerali. Is-seduta għadha għaddejja.